Qorti
Ġuvni ma jinstabx ħati li f’bar ġibed lit-tfajla minn xagħarha

Ġuvni akkużat li f’bar refa’ jdejh fuq it-tfajla ma nstabx ħati wara li ma tressqu ebda xhieda li raw l-inċident.

Il-ġuvni kien mixli mill-Ispettur Roderick Agius li fil-15 ta’ Frar 2019, fil-każin tal-banda San Ġużepp ta’ Ħaż-Żebbuġ, insulta lit-tfajla tiegħu u kkaġunalha ġrieħi ħfief.

It-tfajla sostniet li hija kienet fil-bar meta s-sieħeb tagħha, li ilha miegħu għal dawn l-aħħar sentejn u nofs, ġie minn warajha u ġibidha minn xagħarha.

Hija saħqet li din ma kinitx l-ewwel darba li kien abbużiv lejha u sostniet li l-pulizija sabuha bil-bra fil-pjazza għax is-sieħeb tagħha neħħilha l-flokk.

Min-naħa tiegħu, il-ġuvni sostna li huma argumentaw għax hija kienet xurbana u qal li meta ġibidha minn idha biex jeħodha d-dar neżgħet il-flokk u bdiet tagħtih.

Kien hawn li huwa ġibidha minn xagħarha mbagħad ġew il-pulizija li kkalmaw is-sitwazzjoni.

Wara li semgħet lill-koppja u anke pulizija li xehdu l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li huwa diffiċli għaliha temmen li ma kien hemm ħadd fil-bar li ra l-inċident.

Hija ddeskriviet il-verżjoni tat-tfajla bħala waħda li mhix kredibbli u żiedet li fin-nuqqas ta’ provi oħra ma kinitx qed issib lill-ġuvni ħati u għalhekk illiberatu.