Qorti
Ġuvni ordnat jagħti lill-eks-tfajla €4,500 għal xogħol f’daru u self li ħadu

Tfajla li talbet lill-eks-għarus jagħtiha €17,000 dwar xogħlijiet f’daru se tieħu biss €4,500 wara li mħallef kkonkluda li l-kumplament kienu spejjeż dwar it-tieġ li ma sarx u mhux relatati mad-dar.

F’kawża li fetħet fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili hija talbet li tingħata flus li nefqet f”airconditioner’, purtieri, parti mit-televixin u parti mill-apparat tat-tisjir.

Madankollu l-ġuvni sostna li l-flus li għandu jagħtiha kienu parti mill-apparat tat-tisjir li kien jiswa €85 u €2,000 fi ħlas ta’ self li ħadu.

Quddiem l-Imħallef Grazio Mercieca rriżulta li r-relazzjoni bejniethom kienet bdiet fl-2009 u spiċċat fl-2016, xahrejn qabel iż-żwieġ.

L-imsemmi mħallef qies il-flus li nħarġu f’ċekkijiet u permezz tal-banek fosthom għas-safriet u ‘weekend breaks’ f’Għawdex kif ukoll għal affarijiet fid-dar.

Huwa kkonkluda li mis-€17,000 li talbet kienu €4,500 biss relatati mat-tlestija tad-dar u anke rrimarka li t-tfajla ppreżentat ċekkijiet li fil-verità ma kienux relatati max-xogħlijiet fid-dar.

Kien għalhekk li laqa’ parti mit-talba u ordna liż-żagħżugħ jagħti lill-eks-maħbuba tiegħu s-somma ta’ €4,500.