Droga
Ġuvni u tfajla arrestati fuq pussess u traffikar ta’ droga

Il-pulizija arrestat ġuvni u tfajla f’ħidma oħra kontra t-traffikar u pussess tad-droga.

Fi stqarrija qalet li wara diversi jiem t’osservazzjoni, ilbieraħ f’Bormla, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat ġuvni ta’ 29 sena u tfajla ta’ 28 sena, li dehru jaġixxu b’mod suspettuż waqt li kienu f’vettura.

Il-Pulizija avviċinaw liż-żewġ persuni u saret tfittxija fuqhom u fil-vettura.

Waqt it-tfittxija, fil-vettura nstabu diversi pakketti b’sustanza suspettata droga kokaina, eroina u crack.

Dwar il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali, immexxija minn Marseanne Farrugia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta Maġisterjali.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja filwaqt li l-ġuvni mistenni jitressaq il-Qorti filjiem li ġejjin.