Lokali
Ġuvnott jiġbor 10 darbiet il-fondi maħsuba b’tifkira lejn ħabiba li tilef bil-kanċer

Meta Tommy Wallbank, ġuvnott ta’ 15-il sena, tilef lill-ħabiba tiegħu Rebecca Zammit Lupi kawża tal-kanċer ġietu l-idea li jibda jiġri biex jiġbor flus għall-pazjenti bil-kanċer b’tifkira għat-tfajla li kellha l-istess età tiegħu.

Huwa iddeċieda li jiġri kilometru għal kull €5 donazzjoni li ssir u l-mira tiegħu kienet li jiġbor €500 u jiġri 100 kilometru.

Madankollu l-fondi tant bdew deħlin li mhux biss kiber l-ammont ta’ donazzjonijiet li saru imma anke l-kilometri li jrid jiġri.

Fil-fatt s’issa nġabru madwar €7,000 li jfisser li Wallbank jrid jiġri madwar 1,000 kilometru, daqs li kieku jrid jiġri l-kosta kollha ta’ Sqallija.

Issa huwa ddeċieda li jiġri massimu ta’ 1,000 kilometru bil-ġuvnott jgħid li dan se jeħodlu madwar sitt xhur.

“Nittama li nagħmilha f’inqas minn sitt xhur. Puttinu Cares hija kawża kbira u għalhekk inħeġġeġ lin-nies jibqgħu jagħtu d-donazzjonijiet għax jagħmlu differenza”, żied Wallbank.