Barranin
Gvern ġdid għall-Ġermanja… tintemm l-era-Merkel

Wara li f’Settembru li għadda saru l-elezzjonijiet fil-Ġermanja issa kien iffurmat gvern ġdid li se jtemm l-era ta’ 16-il sena tal-Kanċillier Angela Merkel.

Olaf Scholz se jmexxi l-koalizzjoni governattiva l-ġdida magħmula minn tliet partiti li għandha pjani wiesgħa biex l-ikbar ekonomija fl-Ewropa timxi lejn dik li tissejjaħ ekonomija l-ħadra u l-protezzjoni tal-klima.

Huma mistennija li jaqtgħu għalkollox il-faħam sa 9 snin, jiġifieri 8 snin qabel dak li kien imbassar, fejn qed jgħidu li 2% tat-territorju Ġermaniz se jkun iddedikat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku permezz tar-riħ tant li 80% tal-enerġija li juża l-pajjiż se tkun waħda rinovabbli.

Il-gvern il-ġdid se jkun iffurmat mill-Partit Soċjal Demokratiku li kien rebaħ l-elezzjonijiet federali flimkien mal-Partit tal-Ħodor u d-Demokratiċi Liberali.

Scholz, li għandu 63 sena, kien strumentali għat-tfassil tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u anke ħadem ħafna biex jiffaċilità relazzjonijiet tajba ma’ Franza u l-Istati Uniti.