Lokali
Gvern: Iż-żieda ta’ jum leave fost l-inizjattivi li jtejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet li l-budget ser itejjeb il-bilanċ bejn il-famija u x-xogħol, fost oħrajn biż-żieda ta’ ġurnata leave. Qalet li l-gvern ser iwettaq gradwalment din il-wegħda b’taħdidiet mal-imsieħba soċjali biex jintlaħaq l-akbar livell ta’ kunsens dwar il-festi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

Dr Dalli tkellmet dwar iż-żieda li se jirċievu l-ħaddiema fuq paga minima. Spjegat li bil-ftehim li ntlaħaq fil-leġiżlatura li għaddiet, il-ħaddiema se jkunu intitolati għaż-żieda tal-COLA, ta’ €1.75 fil-ġimgħa, is-suppliment relatat mal-COLA ta’ €1 u żieda ta’ €3 fil-ġimgħa meta l-ħaddiem jagħlaq sena fl-impjieg u €3 oħra fil-ġimgħa meta l-ħaddiem jagħlaq sentejn. Qalet li b’hekk min ilu fuq il-post tax-xogħol għal sentejn, se jirċievi żieda ta’ €8.75 fil-ġimgħa mal-paga minima.

Il-Ministru qalet li wara diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali se jitressaq abbozz ta’ liġi li jibdel il-liġijiet tax-xogħol biex isiru aktar addattati għar-realtajiet tal-lum u bidliet oħra fil-wage regulation orders biex jirriflettu ż-żminjiet tal-lum.