Politika
‘Gvern Nazzjonalista jara li ħaddiema Għawdxin jaħdmu jumejn fil-ġimgħa mid-dar’ – Il-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem fuq proposti dwar kif jista’ jinħoloq xogħol ta’ kwalità u pagi tajba f’Għawdex għall-Għawdxin. Dr Grech ħabbar ukoll li Gvern Nazzjonalista, f’waħda mill-ewwel inizjattivi tiegħu, jara li fejn hu possibbli, ħaddiema Għawdxin f’Malta jingħataw mill-anqas jumejn fil-ġimgħa teleworking jew jaħdmu minn Għawdex stess.

F’attività politika fir-Rabat Għawdex, il-Kap tal-Oppozizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li waħda mill-ewwel inizjattivi jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern tkun li ħaddiema Għawdxin b’xogħol f’Malta jingħataw minimu ta’ jumejn fil-ġimgha jaħdmu minn Għawdex bit-teleworking. Qal li dan ikun obbligu fuq id-direttur, il-kap tad-dipartiment jew l-awtorita’ pubblika li jattwa dan u mhux jekk irid u jekk jogħġbu biss. Dr Grech qal li Gvern Nazzjonalista ser jinċentiva lis-settur privat biex jimxi fuq dawn il-linji wkoll.

Dr Grech qal li n-nuqqas ta’ xogħol f’Għawdex qed jolqot lil 3,500 ħaddiem Għawdxi li jkollhom jaqsmu lejn Malta wara li qal ġew imnaqqra mill-Partit Labustista li qabel l-elezzjoni tat-2013 wegħdhom li se joħloq iktar xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.

Dwar it-trasport bejn iż-żewġ gżejjer, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista irid ukoll trasport tal-merkanzija bejn Għawdex u l-Port il-Kbir jew il- Port ta’ Marsamxett b’vapuri addattati u veloċi.

Dr Grech irrefera għal Għawdex bħala Gżira Reġjun u qal li bħalissa għaddejja l-ħidma biex jitlesta r-rapport li talab dwar il-qagħda soċjo-ekonomika ta’ Għawdex b’ħidma ikkoordinata mill-Kumitat Reġjonali, id-Deputati u l-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista f’ Għawdex. Sostna li l-Partit Nazzjonalista irid Kunsill Reġjonali għal Għawdex, elett mill-Għawdxin, b’poteri eżekuttivi u finanzi adegwati biex jahdem.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern Nazzjonalista jibda jinvestiga l-każ ta’ familji min-Nadur li spiċċaw bi djarhom fuq medda art irreġistrata u sostna kif wara laqgħa li kellu ma’ dawn il-familji wegħdhom li Gvern Nazzjonalista jirtira r-reġistrazzjoni tal-artijiet li fuqhom jinsabu dawn ir-residenzi u li jekk hemm bżonn isiru l-emendi neċessarji fil-liġi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur li jiddiskuti miżuri li jiddikriminalizzaw il-pussess tal-kannabis għall-użu personali responsabbli. Qal li huwa mportanti, li kwalunkwe liġi trid tikkunsidra bis-serjeta’ il-problema tal-abbuż mid-droga u s-sustanzi permess ta’ pjan nazzjonali biex jitrażżan l-abbuż mis-sustanzi.

Dr Grech qal li bosta esperti u nies avviċinaw lill-Partit Nazzjonalista biex ikomplu jiddiskutu l-proposti li saru dwar il-pjan tal-enerġija li kien ippreżentat fil-jiem li għaddew.

Dwar il-pandemija, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern adotta xi proposti tal-Partit fl-immaniġġjar tal-pandemija u appella lill-Gvern biex ikun aktar kawt, meta nstab li f’Malta hawn ukoll il-varjant l-ieħor tal-Afrika ta’ Isfel.