Annimali
Ħa lill-kelb għand il-groomer biex iqaxxru u mietlu ftit sigħat wara

Sid ta’ kelb li ħadu għand il-‘groomer’ biex iqaxxru spiċċa jiġri bih għal għand il-veterinarju ftit wara, iżda dan xorta waħda ma salvax.

B’qalbu maqsuma, Miguel Buttigieg kiteb fuq il-midja soċjali dwar dak li hu u familtu għaddew minnu, fejn fi kliemu, kienu mexjin b’kelb f’saħħtu u f’temp ta’ ftit sigħat spiċċaw jimxu b’kelb mejjet.

Qal li Bolt kellu 9 snin u kien fi stat ta’ saħħa tajjeb ħafna, tant li l-groomer stess qallu li lanqas jidher li għandu daqshekk snin.

Is-Sur Buttigieg qal li meta ġabar lil Bolt mingħand il-‘groomer’, dan ma setax jieħu nifs sew, u meta ħaduh għand il-veterinarju rriżulta li kienet saritlu ħsara fil-pajp tan-nifs, b’konsegwenza li kellu kollass fis-sistema respiratorja.

Huwa saħaq li l-mewt tal-kelb tagħhom setgħet ġiet evitata kieku l-groomer uża t-tagħmir li suppost, u mhux ingassa, minħabba li klieb żgħar bħal Bolt, li huwa tar-razza Yorkshire Terrier, għandhom ċans ikbar li jindarbu b’dan il-mod meta jkunu aġitati.

Is-Sur Buttigieg qed iwissi sidien ta’ klieb biex joqogħdu attenti x’tip ta’ tagħmir juża l-‘groomer’ tagħhom, u biex jekk jista’ jkun jibqgħu ħdejn il-kelb meta jkun qed jingħata s-servizz. Huwa qed jappella wkoll biex il-‘groomers’ jibdew jiġu regolati b’liċenzja.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali, Alison Bezzina, qalet li ħejjiet rapport u għaddietu lill-awtoritajiet bil-għan li l-‘groomers’, il-‘pet sitters’ u t-‘trainers’ ikunu regolati bil-liġi.