Qorti
Ħabs għal 4 immigranti wara li provaw jaħarbu minn Malta – il-Maġistrat jgħid li din hi traġedja umana

Tliet immigranti mis-Sudan u mic-Chad weħlu sitt xhur ħabs filwaqt li ieħor mis-Sudan weħel 8 xhur ħabs għax huwa wkoll riċediv, wara li ammettew li ppruvaw jaħarbu minn Malta fuq titjira lejn Katanja b’dokumenti foloz.

L-avukat Jason Grima qal li dawn l-immigranti għalqilhom iż-żmien li jgħixu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u jridu jsibu fejn joqgħodu u anki xogħol għaliex il-€130 li kienu jingħataw sakemm kienu residenti f’Ħal Far ma baqgħux jikkwalifikaw għalihom.

Qal li bħalissa m’hawnx xogħol u għalhekk xtraw dokumenti foloz bit-tama li jippruvaw isibu xogħol Sqallija.

L-Ispettur Lara Butters qalet li dawn l-immigranti għandhom talba għal ażil li għadha ma ġietx deċiża.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia rrimarkat li din hija traġedja umana u saħaq li d-diċenza tgħidlek li l-minimu persuna jrid ikollha fejn torqod u x’tiekol.