Ħabs għal immigrant – imwiddeb biex ma jgħix “kif jiftillu moħħu”

Ayman Abdul-Ez Mohammed Hanafwa kien ikkundannat għal tliet snin u erba’ xhur ħabs wara li ammetta li kien qed jittraffika l-kannabis u l-ecstasy. Huwa kien ordnat iħallas ukoll €2,000.

Quddiem il-Qorti Hanafwa qal li huwa vittma tad-droga, u talab li jingħata l-għajnuna u ma jintbagħatx il-ħabs.

Madankollu l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, ikkunsidrat li Hanafwa inqabad bil-kannabis u l-ecstasy sitt xhur biss wara li kien diġà ngħata “ċans tad-deheb” mill-Qorti tal-Appell Kriminali, li ħafritlu s-sentenza ta’ sentejn ħabs u minflok tagħtu sentenza sospiża.

Il-Qorti qalet li filwaqt li l-liġijiet li jirregolaw l-abbuż tad-droga ġew illaxkati, dan m’għandux jintfhiem li “kollox jgħaddi” u li dan l-abbuż ma jġibx konsegwenzi. Tenniet li ġaladarba Hanafwa qed jgħix f’Malta, dan għandu jifhem li jrid jobdi l-liġijiet tal-pajjiż u “mhux jgħix kif jiftillu moħħu.”

Il-Qorti għalhekk tellgħet jixhed lid-Direttur tal-Faċilità korrettiva ta’ Kordin li spjega l-proċedura li jrid isegwi Hanafwa biex jegħleb il-vizzju tad-droga sakemm ikun qed jiskonta s-sentenza tiegħu.