Kurżitajiet
Ħabs għal raġel li qatel u kiel lil ommu fi Spanja

Qorti fi Spanja kkundannat raġel 15-il sena u ħames xhur ħabs wara li sabitu ħati li faga lil ommu u kielha fil-bidu tal-2019.

Il-qorti ddeċidiet li Albert S.G, magħruf bħala “l-kannibalu ta’ Ventas” kien f’sensih meta wettaq id-delitt u għalhekk ġie kkundannat sentenza ta’ ħabs.

Fil-qorti ngħad li r-raġel qatta’ biċċiet il-katavru ta’ ommu u kielu fi ħmistax waqt li ta biċċiet minnu lill-kelb tiegħu.

Fis-sentenza ngħad li l-qtil seħħ waqt ġlieda li seħħet bejn il-ħati u ommu, mara ta’ 69 sena f’appartament li kellhom flimkien f’Ventas.

Il-prosekuzzjoni qalet li wara li fgaha, ir-raġel kaxkar lil ommu fil-kamra tas-sodda tagħha u uża serrieq u żewġt iskieken biex jeħles mill-katavru tagħha.

Huwa ħażen partijiet oħra f’kontenituri tal-plastik li firex madwar id-dar u fil-fridge.