Kronaka
Ħabta bejn 6 vetturi tħalli 6 persuni feruti

Sitt persuni fosthom żewġt itfal ittieħdu l-isptar għall-kura wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku qrib ir-roundabout tal-Erba’ Mwieżeb, f’San Pawl il-Baħar. Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-6.10pm kienu involuti sitt vetturi.

TVM hu infurmat li l-persuni li ttieħdu l-isptar huma raġel ta’ 69 sena u mara ta’ 70 sena, it-tnejn mill-Mellieħa, kif ukoll tifel ta’ 7 snin u tifla ta’ 10 snin, li lkoll kienu fl-istess vettura.

Ittieħdu l-isptar ukoll mara ta’ 41 sena u tifla ta’ 11-il sena, li kienu passiġieri f’vettura misjuqa minnn raġel ta’ 45 sena li ma weġġax. Is-sewwieqa u l-passiġieri fl-erba’ vetturi l-oħra ma ndarbux.

Il-kundizzjoni tal-midruba għada mhix magħrufa. Konsegwenza ta’ dan l-inċident inħolqot konġestjoni tat-traffiku fl-inħawi ta’ Buġibba.