Qorti
Ħaddiem jingħata t-tort talli tkeċċa għax ma fetaħx lit-tabib

Il-Freeport ingħatat raġun meta keċċiet ħaddiem wara li rriżulta li t-tabib li ntbagħat id-dar ma fetaħlu ħadd.

Josef Zammit fetaħ il-kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-Malta Freeport Terminals Limited.

Zammit, li kien impjegat bħala skrivan, spjega li fil-5 ta’ Awwissu tal-2019 talab ġurnata leave u din ma ntlaqgħetx u aktar tard informa lill-kumpanija li kien marid.

Dakinhar stess it-tabib tal-kumpanija mar id-dar imma ma fetaħlu ħadd b’Zammit isostni li ma semgħux iħabbat il-bieb u kellu l-qanpiena ma taħdimx.

Siegħa wara informa lill-kumpanija li kien sejjer jara tabib fiċ-ċentru tas-saħħa.

Il-bord tad-dixxiplina tal-kumpanija sabu ħati ta’ abbuż tas-sick leave u keċċieh fl-4 ta Settembru 2019.

Min-naħa tagħha, il-kumpanija insistiet li l-ftehim kollettiv jesiġi li kull min iċempel li marid jistenna lit-tabib sal-10.00 p.m.

Hija qalet li fl-2016 Zammit kellu każ simili fejn it-tabib żaru u ma fetaħlu ħadd.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat it-Tribunal Industrijali, ippresedut minn Joseph Delia, qal li waqt li t-tabib qal li mar id-dar fis-7.00 p.m., Zammit sostna li telaq lejn iċ-ċentru tas-saħħa wara t-8.00 p.m.

Huwa rrimarka li Zammit seta’ għarraf lill-kumpanija li l-qanpiena tal-bieb ma kinitx qed taħdem, ħalli t-tabib iċempillu fuq il-mobile, u seta’ ħalla nota mal-bieb ta’ barra.

Kien għalhekk li kkonkluda li t-tkeċċija kienet waħda ġusta u warrab it-talba ta’ Zammit għal kumpens.