Xogħol
Ħaddiem minn kull ħamsa jinqabad jaħdem illegalment

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-ispetturi ta’ Jobsplus sabu 990 ħaddiem li qed jaħdmu b’mod illegali. Kważi nofshom instabu fl-industrija tal-ospitalità bħal-lukandi u ristoranti. F’każi bħal dawn, Jobsplus tieħu passi kontra min iħaddem, b’uħud minnhon iwebbsu rashom u jispiċċaw il-Qorti.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, it-tmien spetturi ta’ Jobsplus għamlu 1,909 spezzjonijiet għall-għarrieda f’għadd ta’ postijiet tax-xogħol. Fost kważi 4,600 ħaddiem li ġew intervistati, ħaddiem minn kull ħamsa nstab li kien qed jaħdem b’mod irregolari.

Il-kap tat-taqsima tas-servizzi tax-xogħol ta’ Jobsplus, Mario Xuereb qal li kważi nofs il-ħaddiema illegali nstabu f’ristoranti, lukandi u stabbililmenti tad-divertiment. Wara nstabu irregolaritajiet fil-qasam tas-servizzi u l-bejgħ u fis-settur tal-kostruzzjoni.

Is-Sur Xuereb qal li fost il-ħaddiema illegali nstabu għadd ta’ Maltin u ħaddiema ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li min iħaddimhom ma kienx bagħat il-formola tal-bidu tal-impjieg lil Jobsplus – dik li tissejjaħ l-engagement form.

“Fejn ikollok każi ta’ third country nationals ifisser ukoll infringement fejn ma jkunx hemm employment license, jew inkella dak li jkun il-ħaddiema ma jkunx qed jaħdem skont l-employment license. Jiġifieri dan jekk l-employment license tiegħu tgħid li huwa jista’ jaħdem ta’ waiter ma jistax jaħdem ta’ electrician.”

Is-Sur Xuereb spjega li kull fejn jinstabu irregolaritajiet, Jobsplus tagħti ċans lil min iħaddem biex fi żmien qasir jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu, u jekk dan ma jseħħx, jiġi ordnat iħallas multa amministrattiva.

“Meta jinstabu dawn il-ħaddiema illegali, aħna nittrattaw mal-employer. Ir-remit tagħna bħala Jobsplus hu li nitkellmu mal-employer iktar milli mal-impjegat, għaliex hi r-responsabilità tal-employer li jagħmel l-engagement form u jara li lil min idaħħal jaħdem miegħu jkun regolari.”

Is-Sur Xuereb qal li f’ħafna mill-każi min iħaddem jirregolarizza ruħu, iżda jkun hemm każijiet li jgħaddu għand il-pulizija biex jittieħdu passi oħrajn fil-Qorti. Qal li mill-każijiet li nstabu din is-sena ħadd għadu ma tressaq il-Qorti, minħabba li dawn il-każi jinsabu mat-tliet snin b’lura.

Intqal li t-taqsima tas-servizzi tax-xogħol ta’ Jobsplus tikkordina ħidmietha ma’ diversi entitajiet oħrajn biex jiġi assigurat li l-ħaddiema qed jaħdmu b’mod legali.

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

Pulizija li jirrapporta pulizija ieħor li jkun qed jabbuża jew jixxaħħam mhux se jibqa’ jirriskja li jittieħdu passi kontrih. Dan wara li fuq rakkomandazzjoni tal-GRECO saret bidla fil-liġi biex fi…

Politika

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għad jista’ jiddeċiedi dwar il-futur politiku ta’ Adrian Delia f’każ li jinġabru biżżejjed firem minn fost il-kunsilliera b’talba speċifika biex jissejjaħ vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia…

Droga

Il-Covid-19 ġabet magħha għadd ta’ restrizzjonijiet li affettwaw is-safar u l-importazzjoni ta’ diversi prodotti, jidher iżda li mhux id-droga. Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li f’Malta ma kienx osservat xi…

Aktar