Qorti
Ħaddiem tad-De La Rue jingħata €27,000 wara li qabad idu f’magna

Il-Qorti ordnat lill-fabbrika De La Rue Currency biex tagħti kumpens lil ħaddiem tagħha li ħames snin ilu qabad idu f’magna u kisirha.

Carmel Grima ta’ 45 sena ressaq rikors fil-konfront tal-kumpanija li tħaddmu b’rabta ma’ inċident li seħħ fi Frar 2013, meta qabad idu bejn żewġ pjanċi waqt li kien qed jissettja magna. Grima kien jaħdem bħala operatur, u ħadd mill-kollegi tiegħu ma kien jaf x’għandu jagħmel biex jaqlgħalu idu mill-magna.

Il-kumpanija spiċċat ħadet passi dixxiplinarji kontra Grima għaliex iddeċidiet li l-inċident kien seħħ bi traskuraġni tiegħu. Grima qal li kien appella minn din id-deċiżjoni, iżda wara kien irtira l-appell meta saritlu pressjoni u kien mhedded li se jitkeċċa mix-xogħol.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, osservat li l-ħaddiema ma kinux ingħataw taħriġ speċifiku x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ inċident fuq dawn il-magni, u li t-taħriġ li ngħataw kien wieħed ġeneriku.

Ġie osservat ukoll li, għalkemm il-kumpanija qalet li l-issettjar tal-magna ma kienx kompitu ta’ Grima, madanakollu mal-ħaddiema qatt ma kien ġie ċċarat fejn jieqaf l-obbligu tal-operatur, u li ċertu magni kienu qed joperaw mingħajr il-miżuri ta’ sigurtà.

Dawn in-nuqqasijiet kienu ġew indirizzati mill-kumpanija wara li seħħ l-inċident, u l-Qorti qalet li dan fil-fatt jindika li kienu nuqqasijiet tal-kumpanija.

Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li l-kumpanija kienet taħti għall-inċident, u ordnatilha biex tħallas lil Grima kumpens ta’ €26,843.