Teknoloġija
Ħaddiema għandhom jitħallew jieqfu jirċievu komunikazzjoni mix-xogħol – Il-Ministru Abela

Il-Ministru Carmelo Abela, responsabbli għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, qal li l-ħaddiema għandu jkollhom dritt li jiskonnettjaw, fejn jitħallew jieqfu jirċievu komunikazzjoni relatata max-xogħol fil-ħin liberu tagħhom, kemm jekk jaħdmu mid-dar u anki jekk jaħdmu mill-post tax-xogħol normali.

Il-Ministru Abela qal dan meta kien qed jindirizza konferenza virtwali tal-Commonwealth dwar l-avvanz lejn il-futur b’teknoloġiji emerġenti u intelliġenza artifiċjali.

“Fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji emerġenti u fejn il-magni jistgħu jkunu qed jieħdu impjiegi li qabel kienu okkupati minn nies; irridu noħorġu b’soluzzjonijiet li jipproteġu lil dawn in-nies,” qal il-Ministru Abela, waqt li staqsa jekk l-introduzzjoni ta’ “introjtu bażiku universali” tistax tkun soluzzjoni għal din il-problema.

Il-Ministru żied li dawn l-aħħar xhur tal-pandemija fetħulna għajnejna meta niġu għall-użu tat-teknoloġija u l-AI, u l-pajjiżi tal-Comonwealth, inkluż Malta, għandhom jeħduha bħala opportunità biex jiżguraw li t-2.4 biljun persuna li jgħixu f’dawn il-pajjiżi, u li jammontaw għal terz tal-popolazzjoni globali, jaħdmu eqreb ta’ xulxin f’dinja li kull ma jmur qed tkun aktar globalizzata.

Huwa spjega kif Malta bdiet proġett ambizzjuż biex tkun fuq quddiem u tmexxi diskussjonijiet u implimentazzjoni ta’ diversi teknoloġiji ġodda. Il-kisbiet jinkludu l-introduzzjoni tal-istrateġija Nazzjonali tal-AI li tistabbilixxi viżjoni fit-tul immirata biex tibdel lil Malta f’ekonomija ewlenija fil-qasam tal-AI sal-2030. Huwa fakkar kif kien hemm ukoll bosta proġetti ta’ AI li ħarġu minn strateġija bħal din u huma attribwiti lil setturi differenti bħas-Saħħa, l-Edukazzjoni, it-Trasport u t-Turiżmu fost oħrajn.

Huwa informa lill-membri tal-Commonwealth bid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa, u li jinkludu suġġetti bħall-aċċess għall-finanzi, il-konsolidazzjoni ta’ setturi ewlenin, l-indirizzar ta’ nuqqas ta’ talent u ħiliet, inizjattivi, u l-għajnuna lil start-ups fost oħrajn.

Il-Ministru Carmelo Abela kkonkluda billi enfasizza l-isfidi fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti u AI li jeħtieġu interventi ta’ politika effettivi u veloċi.