Barranin
Ħaddiema ta’ Google jirrifjutaw li jibnu ‘search engine’ b’ċensura għaċ-Ċina

Mijiet ta’ ħaddiema ta’ Google kitbu lill-kumpanija biex jipprotestaw kontra l-allegati pjanijiet biex tinbena ‘search engine’ iċċensurata għaċ-Ċina.

Il-ħaddiema qed jgħidu li l-proġett iqajjem mistoqsijiet morali u etiċi, filwaqt li ħeġġew lil Google biex tkun iktar trasparenti, għaliex attwalment m’għandhomx informazzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati mil-lat etiku.

Sal-lum Google qatt ma tkellmet pubblikament dwar dawn il-pjanijiet.

Google kienet waqfet topera fiċ-Ċina tmien snin ilu bi protesta kontra l-liġijiet taċ-ċensura u allegati hacks mill-Gvern Ċiniż. Madanakollu qed ikun irrappurtat li dan l-aħħar il-kumpanija qed taħdem b’mod sigriet biex toħloq servizz speċifiku għaċ-Ċina.

Din is-search engine il-ġdida ntqal li tkun maħduma biex timblokka ċertu tiftix, inkluż dwar id-drittijiet umani u r-reliġjonijiet.

Il-ħaddiema qalu li jinsabu rrabjati li bla ma jafu kienu qed jibnu teknoloġija li tgħin lill-awtoritajiet Ċiniżi biex joħonqu l-libertà tal-espressjoni.