Barranin
Ħaddiema ta’ Google jistrajkaw fuq fastidju sesswali

Ħaddiema ta’ Google madwar id-dinja qed jistrajkaw kontra l-mod kif il-kumpanija qed titratta każijiet ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.

Id-dispjaċir tal-ħaddiema fuq il-kwistjoni kien ilu jinħass, iżda ċ-ċirasa fuq il-kejk kienet l-aħbar li waslitilhom fl-aħħar ġimgħa, li Andy Rubin, uffiċjal eżekuttiv għoli, ngħata somma ta’ $90 miljun biex jirriżenja wara li saret allegazzjoni kredibbli ta’ fastidju fil-konfront tiegħu.

Fil-11.00 ta’ filgħodu ta’ kull pajjiż, ammonti kbar ta’ ħaddiema ħarġu f’daqqa mill-uffiċċji, u fuq l-iskrivanija tagħhom ħallew nota bil-kliem: “Minix mal-iskrivanija għax tlaqt ‘il barra ma’ Googlers oħra u kuntratturi bi protesta kontra l-fastisju sesswali, l-imġieba ħażina, in-nuqqas ta’ trasparenza, u kultura fuq il-post tax-xogħol li mhux tajba għal kulħadd.”

Il-ħaddiema li qed jipprotestaw qed jitolbu diversi tibdiliet, fosthom li tintemm l-arbitrazzjoni sfurzata biex vittmi ta’ fastidju sesswali jkunu jistgħu jfittxu għad-danni u wegħda li tintemm l-inugwaljanza fil-pagi u l-opportunitajiet.