Kultura
ARA: Ħadem films ta’ Bruce Lee u ġie Malta biex ixerred il-Wing Chun

Tradizzjoni Ċiniża li tmur lura mijiet ta’ snin, u li kisbet fama mondjali permezz tal-attur Bruce Lee, qed tinfirex ukoll f’Malta. Wieħed mill-iktar esperti magħrufa tal-Wing Chun bħalissa jinsab f’pajjizna biex jaqsam dan il-wirt ma’ atleti Maltin f’dixxiplini varji.

Id-dixxiplina tal-Wing Chun tmur lura erba’ mitt sena, u hija marbuta mal-kultura Ċiniża. Iżda llum din mhix biss tradizzjoni, fejn tintuża b’mod prattiku u anke tiġi mgħallma lill-pulizija u s-suldati.

L-arti marzjali tal-Wing Chun ma tintużax biss għall-ġlied, għax toffri perspettiva differenti tal-ħajja. Hekk spjega Master Zheng Zujie, li huwa fost l-iktar esperti tal-Wing Chun magħrufa u rrispettati fiċ-Ċina.

Bis-saħħa tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Arti Marzjali u ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina, Master Zheng bħalissa jinsab Malta biex jaqsam dan il-wirt mal-atleti Maltin f’dixxiplini differenti. Master Zheng kien wieħed mill-atturi fis-serje Ċiniża The Legend of Bruce Lee.

Adrian Axisa, President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Arti Marzjali, spjega kif Bruce Lee kien il-persuna li bil-films tieghu ħareġ il-Wing Chun miċ-Ċina. “Il-Wing Chun kien sar famuż għaliex Bruce Lee kien jipprattikah ma’ Ip Man, hawn il-films ta’ Ip Man, il-ħin kollu għaddejin il-films tal-Wing Chun,” fisser il-President tal-MMAA.

L-għeruq tal-Wing Chun għandhom storja kurjuża. Alana Axisa tgħid li, għall-kuntrarju ta’ ħafna arti marzjali, il-Wing Chun kien ivvintat minn mara, b’teknika li tippermetti lil min jużah biex jirbaħ fuq avversarju ikbar u iktar f’saħħtu.

“Inħeġġeġ ħafna n-nisa jippruvaw l-arti marzjali, għax mhux biss għall-ġlied, imma hija esperjenza għal ħajtek. L-arti marzjali għentini f’ħajti kuljum,” tisħaq Alana Axisa, li hija tifforma wkoll parti mill-kumitat tal-MMAA.

Master Zheng spjega li l-Wing Chun jista’ jgħinek tiżviluppa bħala persuna, u jnibbet fik sens ta’ kalma. Master Zheng irid li din l-arti tkompli tiżviluppa u tidħol ukoll f’pajjiżi Ewropej bil-għan li żżid l-għaqda bejn kulturi differenti.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar