Saħħa
“Ħadt overdose ta’ pilloli u dħalt Monte Carmeli… illum fiqt u rrid nagħti kuraġġ”

L-isfidi mentali wassluha biex ħadet overdose ta’ pilloli u kienet kważi se tmut.

Għamlet xi jiem għall-kura fl-isptar Mater Dei u anke xi xhur fl-Isptar Monte Karmeli imma llum qed tħares b’lenti iktar pożittiva lejn il-ħajja.

TVM tkellem ma’ Josette Grima dwar dak li għaddiet minnu.

Hija rrakkuntat kif għamlet sentejn tbati minn dipressjoni u kienet se tmut wara li ħadet overdose ta’ pilloli u spiċċat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Tgħid li matul is-snin, minħabba sfidi fil-familja, ħasset bħal piż kbir jaqa’ fuqha u bħal donnha ma rrealizzatx li bdiet timrad.

“Qabditni depression, kont nibża’ mill-ġurnata, nibża’ mill-għada filgħodu, nibża’ nsajjar, u moħħi beda jgħidli aħjar tmut milli taffaċċja l-ġurnata”.

Josette tgħid li għaddiet minn dlam kbir iżda l-paġna bdiet tinqaleb meta sabet l-għajnuna.

“Ma nistħi xejn ngħid li kont Mount Carmel. Nirringrazzja lin-nurses. Kulħadd jgħin lil xulxin. Kieku ma kontx hemm kieku ma kontx imfejjqa. Nara l-ħajja sabiħa kull ġurnata”.

TVM tkellem maċ-Chairman tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, il-psikjatra Dr Anton Grech, fejn dan qal li l-mard mentali huwa kurabbli u saħaq fuq il-ħtieġa li min ibati minn kundizzjonijiet ta’ din ix-xorta għandu jirrikorri għall-għajnuna minnufih.

“Forsi sorpriża imma, għall-grazzja t’Alla, il-mard mentali huwa l-iktar mard li jitfejjaq b”success rate’ kbira. Hawn ħafna għajnuna. Is-servizzi tal-Gvern, mhux biss sptar imma servizzi fil-komunita, wieħed jista’ jitlob it-tabib u jirreferih għal dawn is-servizzi”.

Illum Josette għandha 51 sena u tħares lejn il-ħajja b’iktar ottimiżmu. Hija omm ta’ żewġt ibniet u nanna ta’ tifla.

Hija sostniet li tixtieq tagħmel kuraġġ lil ħaddieħor għax wara li rat il-mewt ma’ wiċċha issa tifhem iktar kemm hu sabiħ li tibqa’ ħajja u tgawdi lil ta’ madwarek.

“Il-ħajja vera sabiħa. Taqtgħux qalbhom. Għax wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Anzi ġejt aħjar minn qabel ma mradt”, hija żżid tgħid.