Ħafna ċief wieqaf fuq l-art: Appell għal inqas tniġġis mid-dawl

BirdLife Malta qalet li taf bi 17 il-każ ta’ ċief li ilu ġimgħatejn wieqaf fuq l-art minħabba l-effetti tat-tniġġis mid-dawl u appellat lill-awtoritajiet biex jindirizzaw il-problema tat-tniġġis mid-dawl f’żoni kostali.

Iċ-ċiefa hija għasfur minn erba’ tal-baħar li jbejtu fil-gżejjer Maltin u filwaqt li jqattgħu ħajjithom fuq il-baħar, jidħlu l-art billejl. Huma jbejtu fl-irdumijiet ‘il bogħod minn żoni żviluppati.

Wara l-istaġun tat-tnissil fis-sajf , ħafna ċief żgħir jibda jesplora d-dinja ‘l bogħod mill-bejta fuq l-irdum minn l-aħħar ta’ Settembru ‘il quddiem.

Huma jħossuhom siguri jagħmlu dan fi dlam u joqgħodu fuq id-dawl tal-oriżżont biex itiru ‘l barra.

Dawl minn żoni kostali żviluppati, jispiċċa jħawwad lil dawn l-għasafar u minflok itiru ‘l barra, jispiċċaw weqfin fuq l-art.

BirdLife Malta appellat ukoll lill-pubbliku biex jirraporta każi ta’ ċief wieqaf billi jċempel 2134 7644.