Sajd
Ħafna mir-ragħwa dis-sena ma ġietx mill-industrija tat-tonn – Bijologu Marittimu

Ċifri għall-2017 maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-industrija tat-tonn f’Malta ipproduċiet 13,000 tunnellata ta’ tonn, b’valur ta’ kważi €170 miljun li 90% minnu ġie esportat lejn il-Ġappun.

Il-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akkwakultura spjegat il-ħidma li qed issir kemm f’dawk li huma prattiċi kif ukoll fit-taħriġ tar-riżorsi umani biex l-industrija tat-tonn tibqa’ tikber u tkun sostenibbli. Il-biologu marittimu, il-Professur Joe Borg, li hu konsulent tal-federazzjoni spjega li ħafna mill-każi tar-ragħwa li kienu rapporti din is-sena ma kinux riżultat tal-industrija iżda ta’ fatturi oħra fosthom dawk naturali.

Il-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akkwakultura li tirrappreżenta ħames operaturi li bejniethom jipproduċu 75% tat-tonn, iddefendiet l-operat tal-industrija kontra kritika inġusta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Charlon Gouder qal li għat-tieni sena, l-operaturi ffirmaw ftehim sabiex jirregolaw lilhom infushom. Żied li l-ftehim jorbot lill-operaturi bi prattiċi li jmorru lil hinn milli jitolbu l-permessi ambjentali.

Hu qal li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għamlet minn tal-lanqas 60 spezzjoni fuq il-gaġġeġ tat-tonn u ma ħarget ebda ordni ta’ infurzar fuq l-operaturi.

Dwar ir-ragħwa li ġiet rappurtat max-xtut, il-Biologu Marittimu, il-Professur Joe Borg qal li din ħafna drabi tifforma minn taħlita ta’ sustanzi li jkun hemm fil-baħar.

“Il-parti l-kbira minnhom huma naturali li jinħolqu mill-ħass tal-baħar, ftit minnhom li huma algi, narawh bħala ħass fuq il-blat per eżempju, fuq il-qigħan li huma iebsin etc.. u mbagħad għandek ukoll il-pheotplanktin li huma algi mikroskopiċi li jkunu qegħdin jgħumu fil-baħar. Dawn jipproduċu din is-sustanza li hi mbagħad tikkombina ma’ sustanzi oħra li joħloq il-bniedem fil-baħar, affarijiet li ġejjin minn setturi differenti inkluż meta jagħmel ħafna xita u jinġarr materjal mill-widien…”

Dr Gouder qal li l-operaturi ntrabtu biex ikollhom minn tal-inqas żewġ dgħajjes biex jiġbru ż-żejt li joħroġ tal-għalf mill-gaġġeg tat-tonn.

“Dak il-commitment li qed jagħmel għall-ġbir taż-żejt ikun dispost għall-istess federazzjoni biex kull ilment li jidħol aħna nkunu nistgħu ninvestigawh u naġixxu fuqu.”

Hu qal li nġabru aktar minn 96,000 litru ta’ żejt tal-ħut mill-gaġeġ, li nbiegħ biex jiġi pproċessat. Spjega li ħafna mir-ragħwa li ġiet rappurtata fl-ibħra kien fi żmien meta l-għalf tat-tonn magħmul minn eringi, sardin u kavalli kien diġà wieqaf. Dr Gouder qal li l-ilmenti, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, naqsu u li l-Federazzjoni investigat kull każ. Innota wkoll li l-maġġoranza tal-ilmenti saru f’Settembru meta t-temp beda jaqleb.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Sas-sajf li ġej mistennija jkunu lesti għall-użu taċ-ċiklisti u l-pubbliku, żewġ pontijiet pedonali li qed isiru bħalissa għal żewġ toroq ewlenin fi Blata l-Bajda u qrib l-ajruport f’Ħal Luqa.Il-pontijiet qed…

Saħħa

Saċerdot li kien jgħallem l-Università jħoss li l-ġerħa tas-solitudni, hi fonda tant, li qed tinħass ukoll fost iż-żgħażagħ. F’kummenti lil Television Malta, Dun René Camilleri stqarr li f’ċerti każijiet, din…

Lokali

L-istudenti tal-primarja u l-ġenituri tagħhom għandhom ċans isiru jafu iktar dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffru l-industriji tax-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ expo li qed tiġi organizzata fl-Esplora fil-Kalkara. Fiċ-Ċentru…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif se jinħatar il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, b’metodu li fi kliemu hu aktar trasparenti mis-sistema ta’ bħalissa fejn il-ħatra ssir direttament mill-Prim Ministru. Dr Abela qal…

Aktar