COVID-19
Ħafna mit-tfal li jimirdu bil-Covid jirkupraw f’inqas minn ġimgħa – studju

Riċerka minn xjentisti f’King’s College ta’ Londra tindika li l-maġġoranza tat-tfal li jimirdu bil-Covid-19 jirkupraw f’inqas minn ġimgħa, u huma ftit dawk li jdumu jkarkru bis-sintomi.

L-istudju kien ippubblikat fil-ġurnal Lancet Child and Adolescent Health u kien ibbażat fuq tagħrif ipprovdut mill-ġenituri ta’ 1,734 tifel u tifla ta’ bejn 5 snin u 17-il sena li mardu bil-Covid bejn Settembru 2020 u Frar 2021.

Il-maġġoranza tas-sintomi rrapportati fost it-tfal kienu jinkludu wġigħ ta’ ras u għejja, kif ukoll ġriżmejn muġugħa u nuqqas ta’ xamm.

Kien hemm inqas minn wieħed għal kull għoxrin tifel li esperjenza s-sintomi għal erba’ ġimgħat jew iktar, waqt li wieħed minn kull ħamsin kellu sintomi għal iktar minn tmien ġimgħat.

Bħala medja, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ kienu morda għal żmien itwal minn tfal tal-primarja, fejn ħafna minn dawk bejn 12 u 17-il sena ħadu ġimgħa biex fiequ, waqt li tfal iżgħar fiequ f’ħamest ijiem.