Lokali
Ħalli donazzjoni u ħu oġġetti li kienu mormija

Sal-aħħar tas-sena l-Wasteserv se tiftaħ erba’ ċentri biex jilqgħu fihom oġġetti użati li għad għandhom valur u li jistgħu jerġgħu jintużaw. Minflok ma’ jispiċċaw bħala skart, in-nies se jkunu jistgħu jakkwistaw dawn l-oġġetti b’donazzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, qal li dawn l-hekk imsejħa Reuse Centres, se jinfetħu fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff ta’ Ħal Far, Ħal Luqa, l-Imrieħel u Tal Kus f’Għawdex. WasteServ għadha kemm ħarġet sejħa għall-offerti biex kontenituri tal-merkanzija jinbidlu fi spazji adekwati biex iservu bħala Reuse Centres.

Il-Ministru Farrugia qal li b’hekk il-WasteServ qed tkompli tespandi l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari, għax oġġetti bħal ċeramika, ġugarelli, kotba u biċċiet tal-għamara li persuna ma jkollhiex bżonn aktar, ħaddieħor jista’ jakkwisthom b’donazzjoni li se tkun stabbilita minn qabel. Spjega li d-donazzjoni se tmur f’fond biex jintuża għal inizjattivi favur l-ambjent fosthom programm għall-konservazzjoni tan-naħal.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca, ikkummenta li b’dawn iċ-ċentri se joqnos l-iskart għax se jsir użu mill-ġdid ta’ oġġetti li kien għad għandhom valur.