COVID-19
“Ħalluna niżfnu” … fid-diskoteki ta’ Londra jiċċelebraw tmiem il-miżuri tal-Covid

Diversi persuni f’Londra rħewlha lejn in-‘night clubs’ u d-diskoteki biex jiċċelebraw it-tmiem ta’ ħafna mir-restrizzjonijiet relatati mal-Covid.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson għażel id-19 ta’ Lulju bħala l-jum li fih kellhom jintemm ħafna mir-restrizzjonijiet li kienu ddaħħlu minħabba l-Covid-19.

L-awtoritajiet tal-pajjiż kienu ddeskrivew dan il-jum bħala l-Freedom Day (Jum il-Ħelsien).

Minbarra l-ftuħ tad-diskoteki u n-‘night clubs’ miżuri oħra ta’ rilaxx jinkludu l-obbligu tal-maskri u xogħol mid-dar għal dawk li jistgħu jagħmlu dan.

Il-‘bubbles’ fl-iskola, jiġifieri li jkun hemm gruppi partikolari ta’ studenti biex ma jitħalltux ma’ oħrajn, se jintemmu fis-16 ta’ Awwissu.

Dan ir-rilaxx kien milqugħ b’mod pożittiv minn bosta Ingliżi madankollu oħrajn jinsabu mħassba li se jkun hemm żieda kbira fil-każijiet ġodda.

Huwa kkalkulat li 87% tal-popolazzjoni adulta ħadet talanqas l-ewwel doża tat-tilqima waqt li 68% ħadu t-tilqima b’mod komplut.