Qorti
AĠĠORNAT: “Ħalluni bi kwieti jew inkisser l-awla” – tifel ta’ 14-il sena mixli li seraq diversi karozzi

Tifel ta’ 14-il sena li jinsab mixli li seraq diversi karozzi rreżista li jiġi mmanettjat fil-Qorti wara li l-Maġistrat ordnat li jinżamm arrestat. Huwa nstema’ jgħid “ħalluni bi kwieti jew inkisser l-awla”.

Huwa u tifel ieħor ta’ 15-il sena nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija bi 23 akkuża fosthom li serqu diversi karozzi u għamlu ħsarat fil-karozzi f’diversi rħula madwar Malta.

Huma kienu akkużati wkoll li serqu pjanċi tal-karozzi, li bidlu pjanċi ta’ karozzi, saqu mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, kellhom fil-pussess tagħhom arma bil-ponta, li insultaw u heddew persuni oħra, li serqu mobile u flus.

Il-ġuvni ta’ 14-il sena kien akkużat waħdu li fit-12 t’Awwissu 2021 ikkommetta serq ta’ Suzuki Samurai minn Naxxar, serq ta’ mobile bi vjolenza minn Birkirkara fil-bidu tax-xahar t’Ottubru u li kkommetta reati waqt perjodu operattiv ta’ Probation.

Il-Pulizija spjegat li huma ġew arrestati l-Ħadd waranofsinhar waqt li li żewġ uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit kienu qed jagħmlu ronda f’Ħaż-Żebbuġ, innutaw vettura tinstaq b’mod suspettuż. Ftit tal-ħin wara ġew infurmati mill-Kamra tal-Kontroll tal-Pulizija li din il-vettura tal-għamla Isuzu Gemini kienet ġiet irrapurtata misruqa aktar kmieni fl-istess ġurnata minn Birkirkara.

Spjegat li kif induna bil-preżenza tal-Pulizija, ix-xufier, il-ġuvni ta’ 14-il sena beda jsuq f’diversi toroq sabiex jipprova jevithom. F’ħin minnhom l-Isuzu waqfet u ż-żewġ ġuvintur ipprovaw jaħarbu lill-uffiċjali bil-pass iżda kienu arrestati ftit ‘il bogħod.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara rriżulta ukoll li bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru huma serqu vettura tal-għamla Nissan Micra minn San Pawl il-Baħar, BMW 3 series minn Marsaskala, serq ta’ pjanċi ta’ żewġ vetturi minn tal-Pieta’ u serq ta’
diversi oġġetti minn żewġ vetturi f’Ħaż-Żebbuġ u Marsaskala.

Huma kienu akkumpanjati l-Qorti mill-ġenituri u n-nanniet tagħhom. Preżenti wkoll kien hemm uffiċjali tal-probation u ħaddiema soċjali.

Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, bid-difiża tat-tifel ta’ 15-il sena titlob il-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien minħabba li l-gravità u l-ammont kbir ta’ akkużi.

Min-naħa tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ.