Saħħa
Ħames affarijiet li għandek tkun taf jekk trid taqta’ s-sigaretti

Li tkun determinat huwa kruċjali biex tasal fejn tixtieq qalbek b’mod speċjali jekk għandek seba’ mitt sena sakemm teħles darba għal dejjem minn xi vizzju li ilek maħkum minnu s-snin, bħat-tipjip. Madanakollu, trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek.

F’kummenti lil tvm.com.mt Dr Georgiana Farrugia Bonnici, tabiba u eks radjografa fakkret kemm is-sigaretti jpoġġu saħħet dak li jkun f’periklu liema bħalu. Fost l-oħrajn, Dr Farrugia Bonnici qalet li min imiss mas-sigaretti hemm ċans li jħabbat wiċċu aktar ma’ xi attakk tal-qalb, puplesiji jew djuq fl-arterji tas-saqajn. Liema kumplikazzjonijiet, jistgħu anki jwasslu għal amputazzjonijiet, mard kroniku fil-pulmun, kif ukoll għal tipi ta’ kanċer jew immunità baxxa.

F’dan l-isfond, it-tabiba u eks radjografa tat ħames pariri lil min jixtieq jaqta’ s-sigaretti:

  • Naqqas ftit ftit l-ammont ta’ sigaretti li tpejjep kuljum. Taqtax kollox ħesrem.
  • Sib għadd ta’ passatempi biex timla l-ħin li s-soltu kont tqattgħu tpejjep.
  • Żbarazza u naddaf postijiet fejn kont imdorri tpejjep. Ir-riħa tas-sigaretti jaf iżżidlek il-leblieba.
  • Matul il-proċess jaf xorta waħda tkun tixtieq xi ħaġa f’ħalqek jew tħoss il-ħtieġa li ċċaqlaq idejk daqslikieku qed tqabbad sigarett. Kul affarijiet li trid tqaxxarhom qabel ma timla l-ħawsla bihom bħal ġewż u lewż, jew ixrob minn tazza bi straw.
  • Ikkonsulta lit-tabib tiegħek fuq kif tista’ ttaffi mill-effetti li jġib miegħu n-nuqqas ta’ sigaretti fosthom uġigħ ta’ ras u enerġija ftit li xejn. Tista’ wkoll tirrikorri għall-għajnuna professjonali ta’ smoking cessation therapist. Liema għajnuna, tingħata b’xejn ukoll.

Għal aktar tagħrif dwar is-saħħa ħolistika tista’ żżur dan is-sit.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Kull ma jmur iktar pajjiżi qed jimponu l-ilbies obbligatorju tal-maskra f’postijiet pubbliċi. Ir-regola tal-użu tal-maskra hija waħda mill-aktar stretti fl-Ewropa. F’Malta mhux b’inqas. Bil-liġi, il-maskra trid tintlibes bilfors f’ħames postijiet…

Lokali

L-Amministrazzjoni tal-Isptar Monte Carmeli tixtieq tavża lill-pubbliku li qed jittieħdu l-passi preventivi kollha sabiex tiġi assigurata s-sigurtà għar-residenti f’dan l-isptar. Għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li b’mod immedjat jitwaqqfu l-viżitaturi f’dan l-isptar….

L-internet huwa lussu li kważi kważi sirna ma ngħaddux mingħajru. Komdu mmens u jekk tużah b’mod għaqli jagħmlilna ħajjitna ferm aktar faċli. Minkejja dan, mhux kulma hemm onlajn huwa tajjeb….

Aktar