Qorti
Ħames ġuvintur akkużati li darbu koppja u tarbija wara li waddbu fliexken u ħadid

Erba’ aħwa minn Bormla, flimkien ma’ żagħżugħ ieħor minn Ħaż-Żabbar, kienu akkużati mill-Ispettur Eman Hayman li darbu mara u raġel u t-tarbija tagħhom billi waddbulhom fliexken u biċċiet tal-ħadid. Il-każ seħħ f’Bormla u ssokkta f’Marsaskala.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella ż-żgħażagħ kienu akkużati wkoll li inġurjaw u heddu liż-żewġ vittmi u anke wettqu ħsara fil-propjetà ta’ wieħed minnhom. Iż-żgħażagħ ma ammettewx l-akkużi kontrihom, bil-Qorti tiddeċiedi li tnejn minnhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest filwaqt li tlieta oħra jinżammu arrestati.

Id-difiża, immexxija mill-Avukati Franco Debono, Maria Azzopardi u George Buttigieg talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li qalet li l-imputati ma jistgħux ikunu fdati, aktar u aktar għax tlieta minnhom kellhom sentenzi sospiżi.

Keith Azzopardi ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Ħuh il-minuri wkoll inħeles mill-arrest. L-aħwa l-oħra; Ryan u Burton Azzopardi, flimkien ma’ Marlon Baldacchino, inżammu arrestati.