Barranin
Ħames Ingliżi jlaqqtu l-coronavirus wara btala fuq is-silġ

Ħames Ingliżi li kienu fuq btala fuq muntanja fi Franza, spiċċaw infettati bil-coronavirus. Huma kienu qed joqgħodu fl-istess chalet ma’ persuna li kienet f’Singapore. Il-grupp ta’ Ingliżi li jinkludu wkoll tifel, mhumiex f’kundizzjoni serja. Żewġ skejjel qrib ir-resort Contamines-Montjoie fil-Lvant ta’ Franza se jingħalqu l-ġimgħa d-dieħla hekk kif l-awtoritajiet se jippruvaw jiddeterminaw il-persuni infettati ma’ min kellhom kuntatt. Ħdax-il Ingliż, fosthom il-ħamsa li rriżultat pożittivi għal coronavirus qed jiġu eżaminati fi sptarijiet lokali. L-għadd ta’ nies bil-coronavirus fi Franza issa tela’ għal 11.

Familja oħra Ingliża spiċċat iżolata fi sptar fuq il-gżira ta’ Mallorca fi Spanja wara li kienet f’kuntatt ma’ raġel Franċiż li rriżulta pożittiv għall-coronavirus. It-tifla ta’ 10 snin biss kellha sintomi u rriżulta li qabditha l-influwenza. L-ewwel li ddaħħal l-isptar kien il-missier wara li ħassu ma jiflaħx iżda aktar tard l-omm u ż-żewġt itfal iddaħħlu l-isptar bl-ambulanza. Konferma miċ-ċentru nazzjonali Spanjol tal-Microbioloġija tista’ tieħu sa 48 siegħa.

Sadattant fiċ-Ċina minn fejn oriġina l-coronovirus, l-għadd ta’ mwiet kaġun tiegħu qabeż is-700. Fost il-mejta kien hemm l-ewwel persuna barranija – raġel Amerikan ta’ 60 sena li miet bl-infezzjoni fil-belt ta’ Wuhan minn fejn beda jinfirex il-virus. Miċ-Ċina l-virus infirex f’minn tal-anqas 25 pajjiż.

Iżda kumpaniji madwar il-bqija tad-dinja qed jistennew liċ-Ċina biex nhar it-Tnejna terġa’ tiftaħ il-fabbriki u l-impjanti. Jekk dan ma jseħħx, ditti kbar se jiffaċċjaw problemi biex jimmanifatturaw il-prodotti tagħhom. Il-fabbriki fiċ-Ċina li għandhom irwol kruċjali fil-provvisti u l-ekonomija dinjija, għalqu biex inaqqsu l-imxija tal-coronavirus.

Madankollu għal għexieren ta’ eluf ta’ koppji, il-biża’ li jimirdu bil-coronavirus ma ħasritilhom il-pjani li jiddikjaraw imħabbithom lejn xulxin f’ċelebrazzjoni ta’ żwieġ tal-massa fil-Korea t’Isfel. Mat-30,000 persuna minn 64 pajjiż, fosthom 6,000 koppja attendew għal ċerimonja f’Seoul fejn l-organizzaturi ħadu ħsieb jipprovdu miżuri ta’ prekawzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Il-vittmi tal-Coronavirus madwar id-dinja telgħu għal 2,600, bl-Italja jsir l-aktar pajjiż affettwat barra l-Ażja tant li mill-inqas sitt persuni mietu u aktar minn mitejn instab li huma infettati bil-virus. L-Unjoni…

Barranin

Karozza nstaqet għal fuq il-folla waqt parata tal-karnival fil-belt Ġermaniża ta’ Volkmarsen. Tal-inqas għaxar persuni huma maħsuba li ndarbu. Kelliem għall-pulizija qalet li s-sewwieq qed jinżamm mill-pulizija. S’issa mhux ċar…

Barranin

Id-direttur ċelebri tal-films Harvey Weinstein instab ħati f’ġuri fuq żewġ atti tal-akkuża dwar abbuż sesswali fuq nisa. Weinstein li għandu 67 ma nstabx ħati iżda fuq l-iktar akkużi serji li…

Barranin

Il-Prim Ministru tas-Slovakkja, Peter Pellegrini ħassar l-impenji kollha tiegħu wara li ħakmu deni ta’ żiemel u problemi fin-nifs. Iż-żmien fejn marad ma setax ikun agħar l-għaliex ġimgħa oħra mistennija l-elezzjoni…

Aktar