Ħames kumpaniji barranin b’interess li jinvestu fl-industrija tal-films f’Malta

Ħames kumpaniji u konsorzja internazzjonali applikaw biex jinvestu fil-faċilitajiet għall-industrija tal-Films f’Malta. L-espressjoni ta’ interess internazzjonali għalqet ftit jiem ilu. Il-kumpanija huma dawn:

  • Golden Zephyr LLC (L-Istati Uniti)
  • Island Productions (L-Italja)
  • Mediente Ltd. (Ir-Renju Unit)
  • Pinewood (Ir-Renju Unit)
  • SAFET SPA (L-Italja)

Il-Kummissarju tal-Films, Engelbert Grech qal li dawn il-kumpaniji jridu jippreżentaw il-proposti tagħhom biex evventwalment tintgħażel il-kumpanija li toffri l-aħjar viżjoni għall-industrija tal-films.

“L-għażla mhux se tkun faċli għaliex dawn huma kollha kumpaniji ta’ kalibru internazzjonali kollha għandhom il-kapaċità li jinvestu miljuni kbar ta’ ewro f’Malta u għaldaqstant issa wieħed irid eżattament il-proposti tagħhom x’inhuma,” qal il-Kummisarju tal-Films.

Din l-industrija tiddependi ħafna fuq il-faċilitajiet tal-films li hemm fil-Kalkara.

“Huma a unique selling point għal pajjiżna. Il-fatt li Malta tibqa’ magħrufa għal shooting fuq u taħt l-ilma huwa importanti ħafna,” kompla Engelbert Grech.

Is-Sur Grech qal li biex l-industrija tkompli tiżviluppa b’mod sostenibbli hemm bżonn ta’ studio bl-iktar faċilitajiet moderni.

“Issa għandna bżonn game changer kif jgħidu. Għandna bżonn studios ta’ kalibru internazzjonali. Studios b’faċilitajiet bħal sound stages li jgħollu l-livell tal-industrija Maltija b’mod ġenerali. Jekk issa nanalizzaw il-kumpaniji kbar li applikaw sabiex jinvestu f’dawn il-faċilitajiet naraw li dawn qed jaraw potenzjal kbir f’Malta,” żied il-Kummissarju tal-Films.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li dan huwa żvilupp importanti ħafna u juri kemm Malta qed tgawdi reputazzjoni tajba. Qal li b’investiment ġdid fil-faċilitajiet tal-films se jkunu attirati aktar films lejn Malta.

Din is-sena qed titqies sena rekord għall-industrija tal-films f’Malta għax f’sena waħda ġġenerat aktar minn €100 miljun fl-ekonomija Maltija. Il-Kummissarju tal-Films qal li fl-aħħar 12-il xahar inħadmu 12-il film f’Malta.

Il-Kummissarju tal-Films qal lil tvm.com.mt li diġà hemm numru ta’ films konfermati li se jinħadmu f’Malta s-sena d-dieħla. Qal li għall-2016 hemm ottimiżmu li l-industrija tal-films tkompli tikber.

Aħbarijiet Oħra

Il-Membru Parlamentari Ewropew (MPE) Alex Agius Saliba nħatar rapporteur fuq il-Protezzjoni ta’ Persuni b’Diżabilità. Dan hekk kif il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew iddeċieda li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq…

Il-korp tal-pulizija nieda l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tiegħu għall-ħames snin li ġejjin. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà qal li kuntrarju għal dokumenti u rapporti dwar strateġija għall-korp li saru fil-passat, din id-darba…

L-Amministrazzjoni Pubblika rrappurtat li wettqet 81% tar-rakkomandazzjonijiet li sarulha mill-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2018 u rapporti oħra li saru s-sena l-oħra. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li…

Aktar