Lokali
AĠĠORNAT 2: Jinħelsu mill-arrest tliet persuni li nqabdu bid-droga f’remissa fil-Marsa

Tressqu l-Qorti tlieta mill-ħames persuni arrestati waqt raid mill-Pulizija f’remissa fil-Marsa li fih instabu aktar minn kilo droga eroina li kienet lesta biex tiġi traffikata. Raġel minn Birkirkara, żagħżugħ minn Bormla u t-tfajla tiegħu minn Ħal Luqa ġew mixlija fost l-oħrajn li assoċjaw ruħhom fit-traffikar tad-droga. Minkejja l-oġġezzjoni tal-Pulizija, il-Qorti tathom il-libertà proviżorja.

L-għada li Pulizija minn erba’ taqsimiet differenti wettqu operazzjoni kontra d-droga fi Triq is-Serkin fil-Marsa, uffiċċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ressqu l-qorti żewġt’irġiel u mara u xlewlhom b’pussess u assoċjazzjoni fi traffikar ta’ aktar minn kilo droga eroina/

L-akkużati: Jason Borg ta’ 39 sena minn Birkirkara, Nicholas Farrugia ta’ 25 sena minn Bormla u t-tfajla tiegħu Shana Farrugia ta’ 22 sena minn Ħal luqa ma ddaħħlux il-qorti flimkien biex ma jkollhomx kuntatt ma’ xulxin.

 

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, Jason Borg li qal jaħdem kuċċier bil-karozzin wieġeb li mhux ħati tal-akkużi. L-avukati Alfred Abela u Veronique Dalli spjegaw li fl-inkjesta r-raġel ammetta li l-affarijiet instabu fir-remissa tiegħu, iżda huwa qatt ma kien konxju li kien hemm id-droga. Qalu li kien bis-saħħa tiegħu li l-Pulizija waslu biex jarrestaw liż-żewġ persuni l-oħra u għalhekk talbu għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Gabriel Micallef oġġezzjonat. Il-Qorti tatu l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €5,000.

Nicholas Farrugia li jaħdem bħala handyman u t-tfajla tiegħu Shana Farrugia li qalet li ma taħdimx ukoll ċaħdu l-akkużi. L-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi talbu għall-ħelsien mill-arrest għax qalu li l-akkużati għandhom fedina penali nadifa. Il-Pulizija oġġezzjonat minħabba s-serjetà tal-każ. Il-Qorti tathom il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000 oħra kull wieħed.

 

L-akkużati kienu fost ħames persuni arrestati waqt rejd it-Tlieta wara nofsinhar f’remissa fi Triq is-Serkin fil-Marsa. Sorsi qrib il-pulizija qalu liċ-ċentru tal-aħbarijiet li malli ndunaw bil-preżena tal-Pulizija xi wieħed mill-persuni pprova jagħti n-nar lir-remissa. In-nar ġie kontrollat b’intervent ta’ membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li salvaw għadd ta’ annimali mir-remissa fosthom żwiemel, ħmar, papri u għasafar.