Saħħa
Ħames nisa jiffriżaw il-bajd – ma jridux tfal issa minħabba l-karriera

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, Simone Attard, qalet li ħames nisa Maltin iffriżaw il-bajd tagħhom għax ma jridux isiru ommijiet għalissa minħabba li huma ffukati aktar fuq il-karriera.

Ma’ Television Malta, is-Sinjura Attard żvelat li se jibdew jiġu importati lejn Malta bajd ta’ nisa barranin għal nisa infertili Maltin.

Ħames nisa Maltin is-sena l-oħra talbu biex jiffriżaw il-bajd tagħhom għax għalissa m’għandhomx xewqa li jkollhom trabi. “Min-naħa tal-mara l-età u l-fertilità jaħdmu kontra xulxin. Forsi ż-żgħażagħ ta’ età żgħira ma jaħsubx fiha din imma mbagħad meta niġu għall-etajiet ta’ late 30s u 40s hemmhekk insibu l-problemi.”

L-Awtorità qed tħabrek biex fiż-żmien li ġej tkun tista’ timporta bajd ta’ nisa barranin ħalli jintużaw għal nisa infertili Maltin.

Għandna ‘l fuq minn 14-il applikazzjoni li qed tistenna. Ovvjament meta dan is-servizz jiġi liċenzjat il-proċess ta’ dawn l-applikazzjonijiet jitkompla.

Servizz li għandu t-timbru tal-Awtorità huwa d-donazzjoni tal-isperma. Fl-aħħar sentejn saru b’kollox 26 talba fosthom minn nisa single u koppji liżbjani. Sal-lum ma kien hemm l-ebda donatur Malti tal-isperma. Skont il-liġi, id-donazzjonijiet ma jistgħux isiru lill-persuni li jiġu minn xulxin.

Għandna 17-il koppja eterosesswali li wkoll għandhom bżonn jagħmlu użu minn donor sperm għax ikun hemm raġuni medika min-naħa tar-raġel u allura jkollna bżonn inġibu l-isperma minn barra.

It-talbiet għall-iffriżar tal-isperma qed jiżdiedu bl-Awtorità tirċievi madwar 5 fil-ġimgħa. “Bil-kimoterapija jkun hemm nuqqas ta’ fertilità ‘l quddiem, allura aħna nkunu ppreżervajna l-fertilità qabel beda l-proċess tal-kimoterapija.” Dan is-servizz hu offrut ukoll lill-persuni transgender.

Mindu twaqqfet l-Awtorità saru 8 rapporti annwali. Minnhom, jirriżulta li l-infertilità f’Malta taffettwa koppja minn kull sitta. Konsistenti f’kull rapport hu l-fatt li l-infertilità tinstab l-iktar fiċ-ċentru tal-pajjiż. Is-Sinjura Attard qalet li se jsir studju biex ikunu magħrufin ir-raġunijiet għal dan.