Storja
Ħames oqbra Puniċi f’Ħal Tarxien ma ntmessux għal 2,300 sena

Fl-aħħar xhur, waqt xogħol ta’ kostruzzjoni fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Scicluna f’Ħal Tarxien, ġew skoperti 9 oqbra puniċi.

Investigazzjonijiet arkeoloġiċi li għamlet is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kkonkludew li ħamsa mill-oqbra kienu għadhom issiġillati b’ħaġra maqtugħa mill-blat. Dan ifisser li dawn l-oqbra baqgħu intatti għal madwar 2,300 sena. L-uffiċjal tas-Sovrintendenza Kevin Borda qal li b’dawn is-sejbiet, infetħet tieqa diretta għall-passat.

“Qed tħares lejn xi ħaġa li ma ntmessitx minn kif tħalliet min-nies li kienu jgħixu dak iż-żmien, u għaldaqstant u meta wieħed jibda jara fejn tpoġġew il-manifatti per eżempju, l-urni kif kienu mqegħdin, il-lampi taż-żejt kinux mixgħulin jew le meta toġġew fil-qabar, allura wieħed jista’ jibda joħloq interpretazzjoni, ta’ x’kien qed jiġri dak iż-żmien meta jsir funeral.”

L-għeruq ta’ Ħal Tarxien imorru lura għall-perjodu Neolitiku minħabba t-tempju ta’ Ħal Tarxien u l-Ipoġew imma hemm preżenza qawwija taż-żmien Feniċu u Puniku. Qal li fil-qalba tal-lokalità hemm ammont kbir ta’ oqbra u dan juri li fil-madwar, kienet tgħix komunità ta’ nies li kienet tivjaġġa aktarx mill-portijiet u lejn il-belt prinċipali fejn illum hemm l-Imdina.

Uħud mill-oġġetti li nstabu jinsabu esebiti fid-Dar tal-Kejka f’Ħal Tarxien stess li tilqa’ l-kwartieri tal-iscouts tal-lokalità. Il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-11 ta’ Ottubru.

Il-Ministru għall-Kultura u l-Gvern Lokali, Josè Herrera, faħħar il-proġett ta’ devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali ta’ Dar il-Kejka fis-sena 2000. Qal li din id-devoluzzjoni ħalliet il-frott għaliex il-Kunsill għamel ftehim mal-iscouts tal-lokalità biex jagħmlu użu tajjeb mill-post u jieħdu ħsiebu.

Is-Supretendent tal-Wirt Kulturali, Joe Magro Conti qal fost oħrajn li frott il-ħidma tas-Sovrintendenza, ix-xogħol ta’ żvilupp fejn instabu l-oqbra, se jkompli. Qal li l-oqbra se jiġu ppreservati bix-xogħlijiet biex isir hekk se jkunu ffinanzjati parti mis-sidien u parti mis-Sovrintendenza stess.