Unjoni Ewropea
Ħames pajjiżi jibqgħu jimblukkaw ftehim dwar il-budget tal-UE u l-pjan ta’ rkupru mill-effetti tal-Covid

Fi Brussell is-Summit Ewropew daħal f’dawk li jidhru li huma l-aktar sigħat kruċjali, għax jistgħu jħollu jew jorbtu jekk jintlaħaqx ftehim dwar il-budget u dwar il-Fond ta’ Rkupru mill-ħsara ekonomika li ħalla l-coronavirus. Għall-ħabta tas-7.30 p.m. bdiet ċena li qed tlaqqa’ flimkien għall-ewwel darba llum lis-27 mexxej.

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħat separati insista li Malta m’għandhiex tkun penalizzata għas-suċċessi ekonomiċi li kisbet fl-aħħar snin. Qal ukoll li Malta mhux qed topponi l-kundizzjoni dwar il-ħarsien tas-saltna tad-dritt għax f’dan is-sens fl-aħħar xhur għamlet titjib sostanzjali.

Ħames pajjiżi mmexxija mill-Olanda għadhom qed jimblokkaw milli jintlaħaq ftehim aħħari.

It-tielet jum tas-summit il-mexxejja Ewropej kienu jafu li kellu jkun difficli. U dan ghaliex id-differenzi bejn tal-Punent u tal-Lvant, bejn tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana baqgħu kbar wisq.

Fil-verità mhumiex qasmiet li ma jistgħu jissewwew qatt, għax fl-aħħar mill-aħħar huwa fl-interess tagħhom ilkoll li fil-ġimgħat li ġejjin jaqblu dwar pakkett komplessiv ta’ elfejn biljun ewro – bejn il-budget sal-2027 u budget ieħor izghar biex jagħmel tajjeb għall-ħsara tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-plenarja li kellha tibda f’12 p.m. ġiet posposta għall-.4.30pm imbagħad għall-5.30pm u fl-aħħar għal aktar tard. Minflok 27 f’daqqa, il-mexxejja qattgħu il-Ħadd jiltaqgħu fi gruppi żgħar jew tnejn tnejn. Kulħadd jinnegozja.

Il-Prim Ministru Robert Abela iltaqa’ fost l-oħrajn mal-Prim Ministru Żvediż. Fi tweet qal li Malta tibqa’ tfittex kompromess ġust għal irkupru ekonomiku b’saħħtu madwar l-Ewropa. Fil-laqgħa kienu diskussi wkoll l-immigrazzjoni u s-saltna tad-dritt.

Imbagħad laqgħa oħra mal-President tal-Kunsill Charles Michel u mal-Prim Ministri tal-Bulgarija, is-Slovenja, ir-Rumanija u l-Kroazja … kollha lesti jikkontribwixxu b’mod kostruttiv qal.

Il-qasmiet bejn il-mexxejja Ewropej huma evidenti dwar x’hiex. Anzi, baqgħu l-istess li kienu sal-Ġimgħa. Kemm mill-Fond ta’ Rkupru se jkun f’għotjiet u kemm b’self. Il-kundizzjoni tar-riformi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol li jolqtu l-aktar lil Spanja u lill-Italja.

Il-garanziji u l-kundizzjonijiet tas-saltna tad-dritt li jridu jimponu fuq l-Ungerija u l-pajjizi tal-Lvant. Kważi kollox kif jixtieq il-Prim Ministru Olandiż Rutte flimkien ma’ sħabu tal-Iżvezja, id-Danimarka, l-Awstrija u issa anki l-Fillandja li uffiċjalment ingħaqdet mal-pajjiżi li jekk se jonfqu aktar iridu jimponu l-kundizzjonijiet tagħhom.

Il-kwistjoni kważi saret personali. Biex juri li lest jibqa’ Brussell kemm hemm bżonn, Rutte ġiegħel lit-tim tiegħu jestendu u jibbukkjaw lejl żejjed fil-lukanda.

“(In the) red box: the Dutch. (In the) blue corner: Hungary. So that’s so simple. I don’t know what is the personal reason for the Dutch prime minister to hate me, or Hungary, but he’s attacking so harshly and making very clear that because Hungary, in his opinion, does not respect the rule of law, must be punished financially. That’s his position, which is not acceptable because there is no decision about what is the rule of law situation in Hungary,” qal il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban.

Dwar is-saltna tad-dritt aktar kmieni matul il-ġurnata, intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta m’għandha l-ebda diffikultà li din tkun kundizzjoni biex jitqassmu l-flus għax Malta għamlet bidliet sostanzjali fl-aħħar xhur li qed jiġu rikonoxxuti wkoll.

Il-Prim Ministru Abela qal li filwaqt li Malta fis-summit iġġib ruħha bħala l-vuċi tar-raġuni ma sabbtitx saqajha, u baqgħet tisħaq fuq il-prinċipju li dawk il-pajjiżi li fl-aħħar snin kellhom tkabbir ekonomiku sostnut u żammew il-qgħad f’livell baxx m’għandhomx jiġu ppenalizzati għas-suċċessi tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar