Ħames xhur ħabs oħra wara li ammetta li kellu d-droga fil-ħabs

Priġunier ta’ 29 sena kien ikkundannat ħames xhur oħra ta’ priġunerija wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu l-eroina.

Fabian Sciriha ammetta li fil-11 ta’ Diċembru 2008, għall-ħabta tat-8.30 a.m. fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kellu fil-pussess tiegħu l-eroina. Huwa ammetta wkoll li kiser diversi sentenzi tal-Qorti.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkunsidrat fost oħrajn il-fatt li l-fedina penali tiegħu fiha 17-il faċċata fejn fost oħrajn instab ħati ta’ diversi reati fosthom serq, kemm sempliċi kif ukoll aggravat, korruzzjoni ta’ minorenni, pussess sempliċi ta’ droga u sekwestru illegali ta’ persuna.

Hija kkunsidrat ukoll li l-ammont tad-droga li nstab kien wieħed minimu, u li minħabba li r-reat seħħ fil-ħabs allura l-piena kellha tiżdied bi grad jew tnejn.