Qorti
Ħamest ijiem ħabs għal raġel li pprova jifga lil martu

Raġel li ħebb għal martu u pprova jifgaha waqt li kien xurban ġie kkundannat ħamest ijiem ħabs.

Il-koppja hija Ingliża u tgħix San Pawl il-Baħar.

Ir-raġel kien mixli mill-Ispettur Godwin Scerri li fit-30 ta’ Ġunju beżża’ lil martu li se tintuża vjolenza kontriha, li pprova juża forza fuqha kif ukoll li heddidha u insulentaha.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello l-mara xehdet li żewġha ġie d-dar xurban u heddidha li dakinhar xi ħadd kien se jmut waqt li anke poġġa jdejh ma’ għonqha u pprova jifgaha.

Hija sostniet li qabad T-shirt u beda jagħtiha bih fuq sieqha u jdejha waqt li beda jgħajjarha u jgħidilha li kien hemm bżonn li tissawwat.

Min-naħa tiegħu r-raġel qal li l-problemi ma’ martu kienu kaġun tal-aġir tat-tifla tagħha li ġiet lura mill-Ingilterra u li huwa kien jemmen li kienet involuta fid-droga u kumpanija ħażina.

Huwa ammetta li kien xurban u li ma jafx xi kliem qal jew x’ġesti uża fil-konfront ta’ martu.

Fil-kors tal-kawża l-mara esprimiet ix-xewqa li jieqfu l-proċeduri għax kienu qed jitwalu u għax ir-relazzjoni tjiebet.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat il-Maġistrat Montebello ma sabitx lir-raġel ħati tal-ewwel akkuża imma taż-żewġ akkużi l-oħra.

Hija rrimarkat li r-raġel aġixxa b’intenzjoni li jweġġa’ lil martu għalkemm din ma sofriet ebda ġrieħi.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija kkunsidrat li r-raġel skuża ruħu ma’ martu, li hija ħafritlu u li r-relazzjoni bejn it-tnejn tjiebet.

Minbarra l-ħamest ijiem ħabs l-Maġistrat Montebello rabtitu biex għal 12-il xahar ma jdejjaqx lil martu inkella kien jeħel multa ta’ €500.