Stejjer Umani
“Ħares lejja, u għalaq għajnejh għal dejjem” – Solange Magri

Fl-ewwel intervista fuq it-televiżjoni ġimgħa wara li tilfu lit-tarbija tagħhom kawża ta’ tumur rari, Solange u Antoine Magri esprimew id-dieqa tagħhom għall-esperjenza li għaddew minnha.

Madanakollu Antoine u Solange qalu li jridu jsibu mezz kif iservu ta’ wens għal ġenituri oħrajn li jgħaddu minn sitwazzjoni simili tagħhom.

Il-koppja Magri, li mistennija tmur Sqallija biex it-tarbija tiġi kkremata u tinġieb lura Malta, tkellmu għall-ewwel darba fil-programm Kuxjenza li xxandar illejla fuq TVMnews+.

Bħal kull ġenitur ieħor il-miġja ta’ tarbija fil-familja ġġib ferħ kbir, kif ġara wkoll bit-tarbija Juan, li twieled fl-4 ta’ Awissu li għadda.

Il-ġenituri Antoine u Solange Magri għandhom tifla oħra ta’ ħames snin u t-tarbija kompliet żiedet mal-ferħ li diġa’ kellhom.

Iżda meta Juan kellu biss 4 ġimgħat it-tobba sabu li għandu tumur rari f’rasu b’ebda possibilità ta’ fejqan.

Fil-programm Kuxjenza fuq TVMnews+, il-koppja Antoine u Solange spjegaw kif l-aħħar ġimgħat qattgħuhom fis-sala Rainbow, fl-isptar tal-onkoloġija.

L-omm qalet li l-aħħar ġimgħat fl-isptar tal-onkoloġija kienu iebsa mmens.

“Kont l-isptar … ħadli ritratt ir-raġel … kien wieħed mill-ftit ġranet fejn kien għadu b’għajnejh miftuħin … u ħares lejja … ghax imbaghad ma fetaħx iktar għajnejh”.

Il-missier qal li meta t-tobba qalulu li m’hemm ebda tama għall-fejqan beda vjaġġ iebes ta’ kalvarju ma’ martu, iħaddnu lit-tarbija.

“Qisek dejjem għandek xi ħaġa vojta … meta titlef l-ulied … imma l-ħajja trid tkompli … dan huwa episodju ikrah li ġie lili … problema trid taffaċċjaha bl-aħjar mod possibbli”.

Fl-isptar tal-onkoloġija l-familja Magri ngħatat appoġġ mit-tim u l-istaff mediku sakemm Juan għalaq għajnejh għall-aħħar darba.

L-omm qalet li apprezzat ħafna l-appoġġ li rċevew bħala koppja għat-telfa ta’ binhom u anki għall-fondi li nġabru biex it-tarbija jiġi kkremat barra minn Malta.

Solange qalet li trid tkun ta’ appoġġ għal ġenituri li jitilfu l-ulied.

“Apprezzajt ħafna ‘l ommijiet li bagħtuli fuq Facebook, li tilfu l-ulied, u għamilt ħafna kuraġġ, dawn jifhmu minn xhiex għaddejja, jekk nagħtu sapport lil xulxin, anki min irid jikkuntattja lili, titkellem fuq dan il-vjaġġ li għaddejja minnu”.

Il-koppja Antoine u Solange Magri mistennija jmorru Sqallija biex binhom Juan jiġi kkremat u jġibuh lura magħhom Malta.

B’hekk din it-tarbija se tibqa’ b’xi mod imwensa fid-dar tagħhom.