Kultura
L-irħula jistgħu japplikaw għat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031

Ħarġet is-sejħa tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-ibliet u l-irħula Maltin li jixtiequ japplikaw għat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031. L-ibliet u l-irħula li jixtiequ japplikaw għal dan it-titlu jistgħu jagħmlu dan sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Wara li fl-aħħar tas-sena li għaddiet ingħata bidu għat-titlu tal-belt jew raħal li fl-2031 se jkun il-kapitali Ewropea tal-Kultura, din il-ġimgħa l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Dawn l-applikazzjonijiet se jibqgħu miftuħa sal-aħħar ta’ Marzu li ġej. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt, Catherine Tabone, qalet li belt jew raħal jistgħu japplikaw f’isem reġjun. Sostniet li dan huwa titlu prestiġġjuż għall-belt jew raħal li se jiksbu.

“Dan it-titlu, kif rajna fil-Belt Valletta, kemm f’dik is-sena fl-2018 kif ukoll fis-snin li waslu għaliha se jżid immensament l-importanza tal-belt li tieħu dan it-titlu mhux biss f’Malta imma wkoll madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Il-Belt, li se tieħu dan it-titlu, se tkun riġenerata ekonomikament, soċjalment, anke b’mod urbanistiku, u isem din il-belt se jsir magħruf ma’ kulħadd.”

Catherine Tabone spjegat li l-fażi tas-sejħa għall-applikazzjonijiet hija l-ewwel fażi, u hi l-parti lokali, għaliex imbagħad tidħol il-fażi iżjed wiesgħa fuq livell tal-Unjoni Ewropea.

“Pero dan hu biss proċess intern għal Malta. Il-proċess li toħroġ l-Unjoni Ewropea jibda sitt snin qabel pero aħna qegħdin nagħmlu dan il-pass biex ikollna idea liema ibliet f’Malta huma interessati li jkollhom dan it-titlu biex aħna bħala aġenzija kulturali għall-Belt Valletta nkunu nafu niffukaw fuq min se niffukaw l-assistenza li se nagħtu. Tajjeb li nsemmi li waħda mill-punti elenkati fl-avviż legali li jistabbilixxi l-aġenzija kulturali għall-Belt Valletta hu appuntu l-kordinazzjoni ta’ dan il-proċess.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt kompliet tgħid li l-kapitali Ewropea tal-Kultura hi pjattaforma unika biex ikunu riġenerati l-ibliet u l-irħula, tingħata spinta lit-turiżmu, u jkunu ipprovduti opportunitajiet uniċi li jimmotivaw kwalità fost l-artisti u l-persuni kreattivi.