Lokali
Ħarsa lejn l-ewwel paġni tal-gazzetti l-Ħadd 6 ta’ Ġunju

The Malta Independent on Sunday

Covid-19: Il-gvern jidentifika l-mira ta’ tmenin fil-mija għall-għoti tal-vaċċin hekk kif intlaħqet il-kwota li kienet stabbilità fil-kwantità ta’ vaċċini.

L-MFSA tirċievi iżjed minn sittin applikazzjoni għall-kariga ta’ kap eżekuttiv. L-iżjed li applikaw huma dawk ta’ nazzjonalita’ barranija.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jgħid li huwa kontra l-iżvilupp propost f’Ħondoq ir-Rummien. Jgħid li kemm hu u anki l-Partit Laburista huma kommessi li jipproteġu ż-żona u l-ambjent naturali tal-Qala.

Il-Mument:

Il-Mument tirrapporta li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel differenza fil-qasam ambjentali. Tittieħed azzjoni biex l-art ta’ ħdejn il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien issir art pubblika u tingħata lill-poplu Malti u Għawdxi.

Tirrapporta wkoll l-appell li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-Konferenza dwar l-Istat ta’ Pajjiżna organizzata mill-Uffiċċju tal-President biex inwettqu dak li nafu li hu meħtieġ favur l-għaqda nazzjonali u biex nagħmlu l-għażliet kurraġġużi.

Tirrapporta wkoll li se ssir maratona ta’ ġbir ta’ fondi biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jinvesti fir-riżorsi.

 

Malta Today on Sunday:

Is-sidien ta’ Hondoq ir-Rummien qed jitolbu €17-il miljun mill-istat għall-esproprijazzjoni. Gozo Prestige qalet li hija miftuħa għat-taħditiet dwar il-bejgħ tal-artijiet lill-istat.

L-aħħar stħarriġ tal-fehma pubblika li tagħmel din il-gazzetta juri li l-Partit Laburista saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu minkejja gwadann fil-fiduċja għall-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Il-fiduċja tan-nies fil-Prim Ministru Robert Abela żdiedet għal aktar minn 50 fil-mija.

Fl-istħarriġ tal-ġurnal, 45.7 fil-mija ta’ dawk li wieġbu qalu li jivvotaw għall-Partit Laburista jekk ikollha ssir elezzjoni filwaqt li l-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 29.3 fil-mija.

 

Illum:

Malta ma tiddaħħalx fil-lista l-ħadra tar-Renju Unit: Skont uffiċjal għoli tal-gvern Malti, din hija deċiżjoni politika u Malta spiċċat fin-nofs.

Sondaġġ mill-ġurnal Illum: Kanzunetta bil-Malti għall-eurovision tas-sena d-dieħla? Il-maġġornaza ma jaqblux.

Il-ġurnal għandu wkoll stejjer dwar il-ministru Carmelo Abela, ir-Rialto, il-patt tal-immigrazzjoni, flimkien ma’ intervista ma DJ li jispjega kemm hu diffiċli li tikseb permess mill-pulizija biex torganizza attività.

 

Kullħadd:

Gvern għan-nies. Ħarsa lejn il-miżuri li ħaddem il-Partit Laburista biex itejjeb il-ħajja tan-nies.

Jibża’ li jeħodlu l-unijiet. Bernard Grech qiegħed jagħmel sforz enormi biex id-deputat Toni Bezzina ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Bil-ftuħ tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta nhar it-Tlieta, jirdoppjaw dawk li jiġu f’pajjiżna.

Minn wara l-kameras ta’ Blood on the Crown: FIlm Malti bbażat fuq l-avveniment storiku ta’ mitt sena ilu.

 

The Sunday Times of Malta:

L-isptar f’Malta naqqas l-infezzjonijijet mill-MRSA, is-superbug li hi reżistenti għall-antibijotiċi b’terz hekk kif test sempliċi mistenni jbiddel il-mod kif sptarijiet fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani jittrattaw il-problema.

Uffiċjali mill-FATE, il-Financial Action Task Force li kienu Malta biex jevalwaw il-mod kif qed ikunu missielta reati finanzjarji, għamlu lista ta’ rakkomandazzjonijiet intenzjonati li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus.

Storja ritratt dwar il-laqgħa tal-ministri tal-finanzi mill-iżjed seba’ pajjiżi għonja fid-dinja. Fl-aħħar sigħat intlaħaq ftehim storiku bejn l-iżjed pajjiżi għonja tad-dinja li huwa intenzjonat li jġiegħel lill-kumpaniji multinazzjonali biex iħallsu iżjed taxxa.