
Din hija ħarsa ħafifa lejn il-gazzetti ppubblikati llum il-Ħadd 17 ta’ Jannar 2021.
Fl-ewwel paġna ta’ The Sunday Times of Malta insibu ritratt ta’ bus stop f’Washington fl-Istati Uniti li fuqu hemm ir-ritratti tan-nies li l-FBI qed tfittex minħabba l-involviment tagħhom fl-attakk kontra uffiċjali federali fil-US Capitol. Insibu wkoll storja li tikkwota riċerka stħarriġ li sar mill-Università ta’ Malta li kkonferma fost oħrajn li żdied il-konsum tal-alkoħol, il-biża’, id-dipressjoni u s-solitudni fost l-istudenti waqt il-padnemija. Storja oħra fl-ewwel paġna tgħid li wieħed mit-tliet persuni akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, Vince Muscat, qed jipprova jinnegozja tnaqqis fis-sentenza ta’ ħabs jekk jammetti l-involviment tiegħu fil-qtil.
Fil-faċċata ta’ It-Torċa insibu storja li tgħid li fl-2020, żdiedu b’49 il-persuni li daħlu għall-fostering. Insibu wkoll ritratt ta’ nies mexjin fil-Belt bl-istorja abbinat magħha fil-paġna ta’ ġewwa għandha tikkwota lit-Tabib Jean Karl Soler jgħid li l-imwiet mill-Covid-19 qed jonqsu fl-Ewropa. Fil-faċċata wkoll insibu storja li tikkwota lill-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, Franco Azzopardi jgħid fost oħrajn li l-burokrazija minn Brexit hi ta’ wġigħ ta’ ras u li għadhom qed jippruvaw isibu saqajhom u ma jafux eżatt kif se jintlaqat il-kummerċ.
Fl-ewwel paġna ta’ Il-Mument insibu ritratt ta’ persuna tirċievi tilqima bir-rapport abbinat mar-ritratt jikkwota lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jappella għal proċess aktar mgħaġġel fl-għiti tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19. Insibru wkoll storja bit-titlu “Aktar manuvri minn Robert Abela” u tgħid li hemm pjan biex Malcolm Paul Galea, Jo-Etienne Abela u Josianne Cutajar jieħdu post Manuel Mallia, Joe Mizzi, Anthony Agius Decelis jew Silvio Parnis. Tgħid ukoll li fl-isptar ġenerali t’Għawdex, Steward fallew fl-obbligi li kellhom u ma onorawhomx. Il-Mument tikkwota lil Paul Bonello jgħid li Joseph Muscat kien daħak bih u fi storja separata tikkwota wkoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech jgħid li l-partit qed jiġġedded u jissaħħaħ biex ikun ippreparat għall-elezzjoni ġenerali.
Fil-faċċata ta’ Malta Today insibu ritratt ta’ daħla tal-isptar San Luqa bl-istorja marbuta miegħu tgħid li l-Gvern qed jippjana li jieħu lura t-tliet sptarijiet li kien ta lil Vitals Global Health Care u li mbagħad għaddew lill-kumpanija medika Amerikana Steward Healthcare u minflok jifthiem ma’ Steward Healthcare biex jimmaniġjawhom u jkunu responsabbli miż-żamma tal-isptarijiet u mit-tgħamir ta’ ġo fihom. Storja oħra tgħid li priġunier Olandiż ta’ 21 sena rrekordja lill-allegata intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma allegatament jitkellem dwar il-biża’ li għandu minn Keith Schembri li jpattielu/ Dawn ir-recordings kien ħadhom meta kien qatta’ ftit snin jgħix Malta u kien jgħix il-Hilton u kien għamel ħbieb ma’ Theuma.
Fl-ewwel paġna ta’ KullĦadd insibu ritratt tal-Prim Ministru Robert Abela f’għeluq l-ewwel sena tiegħu minn meta sar Prim Ministru ta’ Malta. Insibu wkoll rapport li jgħid li fl-aħħar tmien snin kien hemm titjib qawwi fis-sitwazzjoni ekonomika tal-mara Maltija. L-istess rapport jgħid li baqgħet tistona biss ir-rappreżentanza tan-nisa fl-ogħla istituzzjoni li se tiġi rratifikata bil-liġi storika mressqa.
Fil-faċċata ta’ The Malta Independent on Sunday storja li tgħid li żewġ periti li kienu nvoluti fil-proġett ta’ kostruzzjoni li wassal biex waqgħet dar Miriam Pace f’Marzu li għadda, ma kellhomx il-warrants tagħhom sospiżi. Storja oħra tgħid li żewġ persuni li huma nvoluti fil-management tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fosthom il-Kap Eżekuttiv Joseph Fenech, qalulhom sabiex ifittxu xogħol x’imkien ieħor u dan jindika li l-isptar dalwaqt mistenni jerġa’ jgħaddi f’idejn il-Gvern.
Fl-ewwel paġna ta’ Illum insibu ritratt ta’ traffiku abbinat ma’ sondaġġ xjentifku li għamlet din il-gazzetta li turi fost oħrajn li l-poplu għandu perċezzjoni aktar pożittiva lejn is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-pajjiż. Is-sondaġġ wera li filwaqt li l-persuni li jgħixu fil-Punent tal-pajjiż huma l-aktar pożittivi, l-Għawdxin huma l-aktar negattivi fuq it-traffiku/ Insibu wkoll ritratt ta’ Manuel Mallia li qed jiċħad li jrid post l-eks Ambaxxatur Filletti u jgħid li jekk jintalab jieħu din il-kariga mhux se jaċċetta. Stejjer li jkomplu fil-paġni ta’ ġewwa huma dwar żidiet fil-prezzijiet tal-qamħ, prospoetti mċajpra għall-festi fl-2021 u Malti li jferraħ, idaħħak u jqajjem kuxjenza permezz ta’ TikTok.






