Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-Ħadd

THE SUNDAY TIMES b’ritratt u rapport fil-paġna ta’ quddiem tal-membru parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus li waqt li jinsab f’missjoni ta’ tliet ġimgħat il-Kenja għamel il-proposta taż-żwieġ lit-tfajla tiegħu Maria Stivala, imdawwar bin-nies tal-post.

Rapport ieħor tas-Sunday Times jikkwota lil ragel ta’ 68 sena li għandu ħanut il-Furjana jappella għal iżjed protezzjoni mill-pulizija. Dan wara li l-anzjan ġie aggredit b’sikkina u sofra grieħi wara widintu x-xellugija u f’idu minn persuna li ta’ spiss tkun f’bar bieb ma’ bieb il-ħanut tiegħu. Jgħid li wara li għamel rapport lill-pulizija baqa’ imbellaħ li l-għada dan ir-raġel rega’ kien fil-bar ta’ maġenbu.

Il-gazzetta b’rapport li jgħid li l-Gozo Channel qed tħallas iżjed mid-doppju għall-fuel tat-tliet vapuri tagħha wara li fl-aħħar ta’ Mejju nbidel il-fornitur tal-fuel li kien ilu jaħdem mal-Gozo Channel għal kważi 25 sena.
IT-TORĊA b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li jgħid li l-immodernizzar tal-Pitkailja qed isir bil-mod sabiex ma jkunux ripetuti l-iżbalji ta’ qabel. Il-gazzetta tikkwota bdiewa u pitkala jilmentaw fejn huma l-imħażen moderni li ġew imwegħda.

Rapport ieħor tat-Torċa jgħid li fix-xhur li ġejjin fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex se jkunu installati boilers ġodda u iktar efficjenti li permezz tagħhom is-sistema li tkessaħ u ssaħħan, li bħalissa taħdem biż-żejt, tinqabel biex tibda taħdem b’mezzi iktar nodfa.
IL-MUMENT b’rapport dwar il-ħaddiema tal-Enemalta. Jgħid li m’hemm l-ebda garanzija dwar f’liema taqsima se jaħdmu l-ħaddiema u wkoll dwar il-ħlas tal-allowances. Il-gazzetta tgħid ukoll li l-Gvern lest jimponi fejn il-ħaddiema għandhom jaħdmu.

Ritratt ta’ wħud mill-pazjenti Libjani li nġiebu Malta għall-kura bil-Mument tgħid li l-Gvern qed jagħti kodiċi personalizzat lil kull Libjan li jinġieb Malta biex ikun assigurat li l-identità ta’ kull pazjent tibqa’ moħbija.

Rapport ieħor tal-gazzetta jgħid li l-Union tal-Għalliema, MUT, qed titlob lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jagħmel investigazzjoni urġenti dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu biex ir-riżultati tal-interviews ta’ għalliema librara li kienu ppubblikati, ikunu emendati darbtejn.

MALTATODAY b’rapport dwar stħarriġ li għamlet din il-gazzetta għall-okkazjoni tal-50 sena mill-indipendenza. Fost ir-riżultati ewlenin ħareġ li l-Maltin għandhom ammirazzjoni lejn il-Ġermanja u l-Kanċillier Ġermaniża Anegla Merkel. Irriżulta wkoll li 60 fil-mija tal-Maltin approvaw il-bejgħ parzjali tal-Enemalta lill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż.

Rapport ieħor tal-Maltatoday dwar is-sitwazzjoni fil-Libja. Jgħid li 10 persuni nqatlu wara żewġ attakki fuq militanti viċin il-Gvern fi Tripli.
KULLHADD b’rapport li jgħid li l-Gvern qed jippjana skemi ġodda għan-negozji ż-żgħar u r-ristoranti biex ikunu jistgħu jtejbu l-prodott li joffru.

Rapport ta’ din il-gazzetta jgħid li t-total ta’ nies evakwati mil-Libja lejn Malta f’ħames gimgħat kien ta’ iżjed minn 4,000.

Kullħadd b’rapport li jgħid li l-Gvern qed jevalwa l-każijiet ta’ persuni b’diżabilità li għandhom il-blue badge u biha jistgħu jipparkjaw f’żoni riservati, minħabba possibbilitajiet ta’ abbużi.

Il-gazzetta tgħid li l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar li l-Gvern se jinvesti 20 miljun ewro għall-manutenzjoni tal-iskejjel.
THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li jikkwota lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella jgħid li jibża’ li l-wasliet tal-immigranti jistgħu jiżdiedu drastikament b’riżultat tal-kunflitti kontinwi li qed iseħħu fil-Mediterran.

Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li l-lukanda Damiani f’Buġibba ilha s-snin topera b’mod illegali u jħabbar li wieħed mis-sidien tal-lukanda, Mark Sammut, hu membru fuq il-bord ta’ Transport Malta.

Il-gazzetta bid-dettalji dwar il-każ tal-qassis Għawdxi akkużat b’abbuż fuq tliet tfajliet. Jgħid li allegatament, il-qassis miss waħda mit-tfajliet quddiem ommha f’attività tal-familja.

ILLUM b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li jgħid li riċentement f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma użax il-Malti fl-intervent tiegħu. Il-gazzetta tgħid li dan wara li fi żmien l-elezzjoni tal-2013 kien inxtered filmat ta’ Dr Muscat jgħajjat waqt plenarja minħabba li ma kienx hemm servizz ta’ interpretu.

Rapport ieħor ta’ din il-gazzetta jikkwota lill-President tal-Grupp tas-Soċjal-Demokratiċi tal-Parlament Ewropew, Gianni Pittella, jgħid li hemm xebh bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Matteo Renzi.