
Din hija ħarsa ħafifa lejn il-gazzetti ppubblikati llum il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2020.
Fl-ewwel paġna ta’ The Sunday Times of Malta insibu ritratt tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt żjara fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex biex jara l-faċilitajiet li qed jiġu ppreparati f’każ ta’ żieda fil-każi ta’ pazjenti bil-Covid-19 f’Għawdex. Insibu wkoll rapport dwar l-aħħar żviluppi dwar il-każi ta’ coronavirus f’Malta fosthom dwar raġel f’qagħda kritika wara li ħa l-virus kif ukoll li konsegwenza tal-imxija ttieħdet id-deċiżjoni li l-iskejjel jibqgħu magħluqin sa Settembru. Storja oħra tgħid li fost il-pjani għal kontra l-imxija hemm żieda fil-presenza tal-pulizija fit-toroq u jingħalqu l-għasses tal-pulizija.
Fil-faċċata ta’ it-Torċa nsibu ritratt ta’ parti mill-kosta ta’ Malta b’kapxin li taqra “L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għażlet lil Malta bħala l-mudell ta’ kif għandha titwaqqaf l-imxija tal-Covid-19”. Storja oħra tgħid li bil-proposti tal-Partit Nazzjonalista, id-dejn nazzjonali jiżdied bi 8 fil-mija. Fil-faċċata wkoll insibu storja li tikkwota lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jgħid fost oħrajn li l-kriżi tal-coronavirus se tiddefinixxi l-kobor tal-ħidma tal-union.
Fl-ewwel paġna ta’ il-Mument insibu ritratt ta’ persuna timbotta persuna oħra fuq siġġu tar-roti fil-promenade f’Tas-Sliema u persuna oħra qed tiġri mid-direzzjoni opposta. It-titlu jakkumpanja dan ir-ritratt jaqra “Abela VS Fearne. Tiżdied il-konfużjoni li ħoloq il-PM dwar il-lockdown.” Stejjer oħra li jkompli fil-paġni ta’ ġewwa huma dwar l-10 każi ġodda li tellgħu l-każi f’Malta għal 149 u tliet persuni qiegħdin fl-ITU; rapport dwar id-deċiżjoni li l-iskejjel jibqgħu magħluqa sal-aħħar tas-sena akkademika u rapport ieħor li jikkwota lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jgħid li s-saħħa qabel il-politika filwaqt li jappella biex nobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa.
Fil-faċċata ta’ MaltaToday insibu storja li tgħid li l-Gvern Malti jinsab espost għal riskju ġdid dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u Malta tista’ teħel multa jekk din il-konċessjoni tiġi rrevokata. L-istorja tgħid li l-ftehim li kien iffirma f’Awwissu 2019 mill-eks Ministru Konrad Mizzi, kien fih dik il-klawsola li biha l-parti privata tista’ tiżgiċċa mill-inkwiet. Fil-faċċata wkoll rendikont tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-imxija tal-Covid-19 f’Malta fosthom l-għeluq tal-iskejjel kollha sa Ġunju.
Fl-ewwel paġna ta’ KullĦadd insibu storja li tkompli fil-paġni ta’ ġewwa li tgħid li fl-2019 studju xjentifiku kien ikklassifika lil Malta fost l-aħjkar 20 post fid-dinja fejn wieħed jista’ jkun l-iżjed sigur f’każ ta’ pandemija. Rapport ieħor jgħid li skont l-aħħar labour force survey, fl-aħħar kwart tal-2019, Malta laħqet l-ogħla rata ta’ impjiegi u l-impjiegi kompli jiżdiedu għal rekord ta’ iżjed minn 258,000 impjieg. Rapport ieħor huwa dwar l-aħħar żviluppi fil-pajjiż dwar l-imxija tal-coronavirus u appell biex Malta tibqa’ fejn hi u cioe taħt in-norma.
Fil-faċċata ta’ The Malta Independent on Sunday insibu ritratt ta’ ħaddiema lebsin ilbies protettiv jiffumigaw postijiet pubbliċi fl-Italja. Insibu wkoll rapport li jgħid li tliet ġimgħat wara li f’Malta nstab l-ewwel każ ta’ Covid-19, l-ammont ta’ każi tela għal 149 fosthom persuna f’qagħda kritika. Storja oħra hija dwar il-pjan strett fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin kontra l-coronavirus.
Fl-ewwel paġna ta’ Illum insibu ritratt ta’ flus tal-karti tal-ħamsin ewro u t-titlu li jaqra “Il-Gvern jgħid li m’għandux flus għal kulħadd imma jrid jiġbor biljuni f’bolla u taxxa.” Il-gazzetta tgħid ukoll li sal-aħħar tal-2018, il-Gvern ma kienx ġħadu ġabar mal-€1.1 biljun f’taxxa u bolla minn min iħaddem u min jaħdem għal rasu u €2.7 biljun f’VAT, kollha dovuti mill-1998 sal-2018.






