
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratt tal-ħamiem fil-Belt Valletta li l-għajn tal-fotografu innota li dan il-ħamiem ukoll bħal donnu qed iżomm id-distanza minn xulxin.
Rapport ta’ dan il-ġurnal jgħid li l-iskart imħallat li jintrema’ fil-borża s-sewda mhuwiex qed jiġi trattat fil-landfill hekk kif l-imxija tal-coronavirus qed tkompli żżid l-kriżi ta’ kif qed jiġi immanniġġjat l-iskart f’Malta. Il-ġurnal jgħid li s-sitwazzjoni tal-immanniġġjar tal-iskart f’Malta diġa kienet ta’ sfida xahar ilu meta l-Wasteserv ammettiet li 50 fil-mija tal-iskart domestiku ma kienx qed jiġi trattat.
The Times b’rapport li informazzjoni kunfidenzjali ta’ klijenti li twaqqfet minn kumpanija tal-avukati imwaqqfa mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, ġiet illeakjata online.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’iżjed dettalji fil-paġni ta’ ġewwa, il-ġurnal għandu intervista ma’ residenti f’Manchester li kellu l-coronavirus u jsostni li għamel ħamest ijiem jilgħabha bejn ħajja u mewt.
Il-ġurnal b’rapport li jikkwota lic-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina, jgħid li permezz ta’ regolamenti ġodda b’rabta mal-imxija tal-coronavirus, mil-lum, l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex se jsir strettament għal bżonn.
L-Orizzont b’rapport ieħor li wara li feġġ każ ta’ ħaddiem li mar għax-xogħol f’supermarket meta kien bis-sintomi tal-coronavirus, diversi kienu l-klijenti ta’ dan l-istabbiliment li għamlu kuntatt mal-helpline 111 biex jiċċekkjaw dwar saħħithom.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem meħud fl-Indja fejn il-pulizija tal-kavallerija liebsu elmu bil-forma tal-coronavirus biex iqajjmu kuxjenza kontra l-imxija tal-pandemija fid-dinja.
Rapport ta’ dan il-ġurnal bid-dettalji li l-Gvern mistenni jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-kumitat Ornis biex jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal 20 ġurnata sakemm il-pulizija u l-Ministru tas-Saħħa ma jqajjmux oġġezzjoni fil-kabinett.
The Malta Independent b’rapport li jikkwota lill-istatistiku Vincent Marmara’ jgħid li għalkemm r-rata ta’ infezzjonijiet tal-coronavirus f’Malta hi inqas minn dik tar-Renju Unit, l-Italja u Spanja, xorta waħda hi ta’ tħassib. Sa lbieraħ Malta kienet ikklassifikata fl-34 post fid-dinja fir-rata ta’ każi tal-coronavirus.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li qal li l-poplu m’għandux iħallas 100 miljun ewro għal min falla fis-settur tas-saħħa. Sostna li f’Awwissu li għadda, il-Gvern ta dak li jissejjaħ escape clause lil Steward. Spjega li b’din il-klawsola, jekk il-kuntratt tal-isptarijiet jiġi xolt, anke minħabba nuqqas ta’ Steward Healthcare, il-poplu jrid jħallas 100 miljun ewro.
Rapport ieħor jgħid li Adrian Delia talab summit urġenti, bil-video conference, tal-Partit Popolari Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Partit Ungeriż Fidesz.



