
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
Ħafna mill-ewwel paġni tal-ġurnali llum jirrappurtaw li Dr Robert Abela rebaħ l-elezzjoni tal-Mexxej Laburista u għalhekk se jkun il-Prim Ministru li jmiss ta’ Malta.
THE SUNDAY TIMES
THE SUNDAY TIMES b’ritatt ta’ Robert Abela bil-ġurnal jgħid li Dr Abela nħatar mexxej ġdid tal-Partit Laburista. Il-ġurnal jagħti dettalji ta’ kif mex l-proċess tal-votazzjoni lbieraħ fi 13-il każin tal-Partit Laburista.
Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li Joseph Muscat irid dibattitu nazzjonali dwar l-abort. Ir-rapport isostni li fl-aħħar diskors tiegħu nhar il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ladarba ma jibqax fil-kariga se jiffoka fuq il-libertajiet ċivili, bil-ġurnal isostni li minn sorsi li għandu dawn jikkonsistu b’mod partikolari fl-abort.
IT-TORĊA
IT-TORĊA b’ritratt tat-tesserati tal-Partit Laburista lbieraħ waqt il-votazzjoni li saret f’diversi każini. Bid-dettalji fil-paġni ta’ ġewwa, it-Torċa ssaqsi jekk li jivvota t-tesserat u mhux id-delegat biss hijiex proposta tajba daqs kemm tidher.
Il-ġurnal b’intervista ma’ Lawrence Grech, wieħed mill-11-il persuna li fetħu kawża wara li kienu allegaw li ġew abbużati minn tliet saċerdoti. Lawrfence Grech jgħid li
se jkompli jiġġieled u li wieħed biss mit-tliet qassisin għadu ħaj.
Rapport ieħor tat-Torċa jikkwota studju tal-YMCA li wera li ħafna min-nisa li sabu sieħeb abbużiv kienu diġa għaddew minn esperjenzi simili fid-djar tagħhom fejn trabbew.
Il-ġurnal b’rapport ieħor li jgħid li l-aġenzija ta’ kreditu Fitch żammet ir-rating ta’ A+ għal Malta.
IL-MUMENT
IL-MUMENT b’ritratt tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li qal li jkollna Prim Ministru ieħor ma jfissirx li se jinħafru d-dnubiet tal-Gvern. Qal li l-Partit Laburista ma jista’ qatt iħassar il-fatt li Joseph Muscat mexxa l-iżjed Gvern korrott fl-istorja tal-pajjiż.
Rapport ieħor tal-Mument jgħid li Robert Abela ntgħażel biex jimla ż-żarbun ta’ Joseph Muscat fil-Partit Laburista. Isostni li d-delegati sfiduċjaw lil Chris Fearne u ivvutaw kontra l-kabinett tal-Ministri.
MALTATODAY
MALTATODAY tgħid li Abela kellu rebħa kbira fuq il-kontestant tiegħu Chris Fearne u li fl-eta’ ta’ 42 sena se jkun il-Prim Ministru li jmiss ta’ Malta. Il-ġurnal jgħid li dan kien każ ċar ta’ dak li jissejjaħ l-underdog li matul il-kampanja mbagħad irnexxielu jirbaħ il-vot tal-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Partit Laburista.
Rapport ieħor tal-Maltatoday jikkwota stħarriġ dwar l-obeżita’ li wera li f’Malta, tfal fin-naħa tan-nofsinhar tal-pajjiż għandhom iżjed problema ta’ obeżita’ minn tfal oħra. Il-ġurnal jorbot l-inugwalajnza fil-klassi soċjali ma’ problemi tas-saħħa.
KULLĦADD
KULLĦADD b’ritratti ta’ Chris Fearne, Joseph Muscat u Robert Abela jixħtu l-vot tagħhom ilbieraħ. il-ġurnal jgħid li b’92.5 fil-mija tal-membri tal-Partit Laburista li ħarġu jivvutaw, kien hemm vot qawwi fl-elezzjoni għall-mexxej tal-partit. Kullħadd tgħid li Dr Robert Abela għada jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru ġdid.
Bid-dettalji fil-paġni ta’ ġewwa, Kullħadd tgħid li l-aġenzija ta’ kreditu Fitch tat rating ta’ A+ oħra lil Malta…. u wkoll ir-reġistrazzjoni tal-kirjiet qajmet interess klbir b’7,000 persuna jistaqsu d-dettalji.
THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY
THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY b’ritratt ta’ Dr Robert Abela ftit wara li ħareġ ir-riżultat ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista. Il-ġurnal jgħid li t-turnout tal-membri Laburisti li ħarġu jivvutaw kien ta’ ftit iżjed minn 92 fil-mija.
Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li l-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jikkunsidraw jagħmlu talba oħra għall-maħfra presidenzjali taħt il-Prim Ministru ġdid Robert Abela.
ILLUM
ILLUM b’rapport li jgħid li l-għażla saret u għalhekk tibda l-isfida tat-tmien Prim Ministru. Il-ġurnal jgħid li lbieraħ saret għażla importanti u li din l-għażla se ssawwar il-ġejjieni tal-Partit Laburista u tal-pajjiż.






