
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratti ta’ Paolo Scaroni, ex Kap Eżekuttiv tal-grupp Taljan Eni, l-ex Prim Ministru Joseph Muscat u l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech. Rapport ta’ dan il-ġurnal jgħid li Joseph Muscat ta parir lil Yorgen Fenech dwar potenzjalment ftehim tal-enerġija li kien jinvolvi lill-President tal-football club taljan AC MILAN.
Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li n-numru ta’ persuni li għandhom 85 sena jew iktar u li ddaħħlu l-isptar minħabba l-coronavirus niżel bi 80 fil-mija fl-aħħar ġimgħat.
IT-TORĊA
IT-TORĊA b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tad-droga Crack u bid-dettalji fil-paġni ta’ ġewwa li ħafna nies spiċċaw vittmi tagħha.
Rapport tat-Torċa jikkwota lill-membru parlamentari Laburista Anthony Agius Decelis jgħid li m’hemmx ġustizzja soċjali mingħajr ugwaljanza. Qal li l-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza mhumiex slogans sbieħ biss qabel l-elezzjoni, iżda huma programm ta’ ħidma.
It-Torċa jikkwota lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni tgħid li hemm emerġenza fl-immigrazzjoni u li mistennija iktar vjaġġi.
IL-MUMENT
IL-MUMENT b’rapport li jgħid li terz tal-infermiera barranin li jservu fi sptarijiet f’Malta se jkunu telqu lejn ir-Renju Unit.
Il-ġurnal b’ritratt ta’ Julian Hofstra, il-persuna maħruba u avviċinata minn Mlevin Theuma biex tikseb aċċess għall-korrispondenzi ta’ Yorgen Fenech, mal-ex Ministru Konrad Mizzi. Il-ġurnal jgħid li l-kobba mħabbla wisq fl-Airmalta biex tibda tinħall mill-infieq bl-addoċċ, skandli u abbużi.
Ritratt tal-ex Prim Ministru u President Emeritu Eddie Fenech Adami li llum jagħlaq 87 sena. Il-ġurnal jgħid li b’karrers politika ta’ aktar minn 50 sena, Eddie Fenech Adami ħalla marka kbira b’politika li ġabet bidliet li baqgħu jinħassu sallum.
MALTATODAY
MALTATODAY b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-ex Kap Eżekuttiv tal-PBS, John Bundy, bil-ġurnal jgħid li inkjesta interna tal-kumpanija, immexxija mill-awdituri RSM uriet li d-deċiżjoni tas-Sur Bundy fuq ftehom ta’ kiri ta’ karozzi minn Burmarrad Commercials saret bi ksur tal-proċeduri ta’ kif jingħataw is-servizzi lill-PBS. Il-ġurnal jgħid li John Bundy injora r-regoli tal-PBS u ma qalx lid-diretturi bil-ftehim ta’ 400,000 ewro.
Rapport ieħor tal-Maltatoday jikkwota l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li għamlet il-gazzetta. Jirriżulta li l-livell ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela niżel għal 41.7 fil-mija biex b’hekk mix-xahar li għadda sallum dan il-persentaġġ niżel b’0.4 fil-mija. Il-ġurnal jgħid li min-naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech żied fil-livell ta’ fiduċja. Jirriżulta li Grech għandu 35.1 fil-mija tal-fiduċja, li jfisser 0.4 fil-mija iktar fuq ix-xahar li għadda.
KULLĦADD
KULLĦADD b’ritratt u rapport wieħed fil-paġna ta’ quddiem. Ir-ritratt juri lis-sur Richard Cachia Caruana mas-sur Ray Bezzina waqt laqgħa. Il-ġurnal jgħid li l-Partit Nazzjonalista reġa lura f’idejn Richard Cachia Caruana u jsostni li l-establishment Nazzjonalista ħadet f’idejha l-kontroll assolut tal-Partit wara li tneħħa Adrian Delia.
THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY
THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli li għaddejja b’diskussjonijiet mal-kunsilli lokali biex ikun faċilitat l-aċċess għat-tagħmir tal-ilma.
Rapport ta’ dan il-ġurnal jgħid li Steward Health Care weħlu 5.5 miljun ewro f’mandat ta’ sekwestru mill-qrati Maltin wara każ li kien tressaq f’qorti f’Londra mill-Vitals Global Healthcare. Il-kumpanija qed tiġġieled il-validita’ tad-deċiżjoni tal-qorti Ingliża.
The Ma;ta Independent on Sunday b’rapport ieħor li jgħid li l-PBS jista’ jitlef 10 miljun ewro fil-qorti jekk jitlef appell dwar skema tal-pensjoni. Il-każ jinvolvi 119-il persuna li ressqu lill-PBS fuq nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-iskema tal-pensjoni privata għall-impjegati li ġew trasferiti fil-kumpanija mit-Telemalta fl-1992.Ż
ILLUM
ILLUM b’rapport li sidien ta’ kirjiet qabel l-1995 jinsabu irrabjati li filwaqt li veru hemm min hu ġenwin, huma qed jiċċaħħdu mill-propjeta’ tagħhom min-nies li jabbużaw. Is-sidien appellaw biex il-kirjiet ma jibqgħux jintirtu minħabba li sostnew li din hi inġustizzja kbira.
Il-ġurnal bid-dettalji li l-kumpanija CATCO ma weġbux lill-awdituri fuq id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li ta lid-Dar tal-providenza u li ġiet ippreżentata minn Adrian Delia. Id-donazzjoni ġiet rifjutata.
Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li l-Qatar Airways mistennija terġa tibda topera minn Malta u qed tevalwa meta l-aħjar perjodu.






