Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum

Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.

IN-NAZZJON

IN-NAZZJON bid-dettalji li l-ewwel mewta tal-coronavirus f’Malta hi anzjana Għawdxija ta’ 92 sena. Il-ġurnal jgħid li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia esprima n-niket għall-aħbar tal-mewt marbuta mal-pandemija.

Rapport ieħor tan-Nazzjon hu dwar l-Airmalta u jgħid li l-management tal-linja nazzjonali tal-ajru kiteb lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħol fejn spjega li l-kumpanija se tkeċċi 108 bdoti minn total ta’ 134. Dan ifisser li l-Airmalta trid iżżomm 26 bdot.

 

THE TIMES

THE TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ parti mis-swar tal-Isla li lbieraħ iġġarraf u għamel diversi ħsarat lill-karozzi ipparkjati. Dan il-ħajt jinsab fi Triq is-Sur u għadu mhux magħruf x’ikkawża it-tiġrif ta’ parti minn dan il-ħajt.

Rapport tat-Times bid-dettalji li l-ewwel mewta kawża tal-coronavirus f’Malta kienet mara anzjana Għawdxija ta’ 92 sena. Il-ġurnal jikkwota lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jgħid li din il-mara kellha kundizzjonijiet mediċi fosthom mard tal-qalb, tal-kliewi u dijabete.

Il-ġurnal b’rapport dwar l-Airmalta. Jgħid li l-linja nazzjonali tal-ajru se tkeċċi 108 bdoti mill-134 li għandha wara li ma ntlaħaqx ftehim mal-union tal-bdoti dwar kif għandha titnaqqas il-paga fl-isfond tal-imxija tal-coronavirus.

 

L-ORIZZONT

L-ORIZZONT b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li tarbija ta’ xahar hi fost sitt każi ġodda tal-covid – 19 f’pajjiżna. Il-ġurnal jikkwota lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tgħid li minn kważi elf swab li saru. 6 irriżultaw pożittivi għall-coronavirus.

Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li waqt laqgħa li saret bejn il-Ministru għall-Inter Byron Camilleri, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati jeffrey Curmi u t-taqsima tal-GWU li tirrappreżenta s-suldati, ingħatat garanzija li s-suldati se jitħallsu tas-sigħat żejda li jaħdmu matul l-emerġenza marbuta mal-Covid – 19.

L-Orizzont tikkwota lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li meta ħabbar il-mewt tal-anzjana ta’ 92 sena bil-coronaviru, qal li sfortunatament mhux se tkun l-aħħar mewta kawża ta’ dan il-virus f’pajjiżna.

 

THE MALTA INDEPENDENT

THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-Prim Imħallef il-ġdid Mark Chetcuti li lbieraħ ħa l-ġurament tal-ħatra quddiem il-President George Vella.

Il-ġurnal bid-dettalji li anzjana ta’ 92 sena hi l-ewwel mara li mietet bil-coronavirus f’Malta. Ir-rapport jikkwota lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jgħid li dan hu jum ta’ dwejjaq hekk kif Malta tħabbar l-ewwel mewta kawża tal-virus. Isostni wkoll li fost il-każil-ġodda tal-coronavirus f’Malta hemm tarbija ta’ xahar.

Rapport ieħor tal-Independent jikkwota lill-Ispettur Ewlieni Fabian Fleri jgħid li hekk kif fl-aħħar xahar inbidel radikalment l-istil ta’ ħajja tal-Maltin, ma’ din il-bidla ġiet ukoll bidla fit-tip ta’ kriminalita’ u qed tiġi rappurtata żieda fil-vjolenza domestika.