
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-bini tal-Kurja fil-Floriana li ftit ilu tlesta r-restawr fuqu. Il-ġurnal jgħid li Din l-Art Ħelwa tat rikonoxximent lil dan ir-restawr.
Raport ieħor tal-Independent jgħid li wara li lbieraħ intlaħaq rekord ieħor fl-ammont ta’ każi tal-coronavirus, żdiedu s-sejħiet għal iżjed miżuri. L-assoċjazzjoni tat-tobba wissiet li l-każi se jibqgħu jkunu kuljum bil-mijiet sakemm ma jiddaħħlux miżuri oħra.
Il-ġurnal b’rapport jikkwota l-post li kiteb fuq Facebook ir-raġel ta’ Miriam Pace, li nqatlet mirduma f’darha sena ilu. Carmel Pace qal li mingħajrha f’ħajtu jħossu qisu ġisem mingħajr ruħ.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li lbieraħ insistsa mal-Gvern biex iwieġeb għas-suspetti u r-rapporti li t-tilqim kontra l-Covid 19 mhux isir b’mod trasparenti. Dr Grech qal li s-sistema tal-contact tracing ikkollassat.
Rapport tan-Nazzjon jgħid li Malta rreġistrat 336 każ ġdid ta’ Covid 19 f’24 siegħa, waqt li raġel ta’ 41 sena kien fost l-aħħar vittmi tal-covid.
MALTATODAY
MALTATODAY b’rapport li lbieraħ intlaħaq numru rekord ta’ każi ta’ coronavirus, 336. Il-ġurnal jgħid li għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, din iż-żieda fil-każi m’hi qed turi l-ebda sinjal li tnaqqas. Il-ġurnal jikkwota lill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel tgħid li l-isptar Mater Dei qed jilħaq il-limitu tiegħu.
Fil-paġna ta’ quddiem tal-Maltatoday hemm silta mill-editorjal li jgħid li wasal iż-żmien li jiġi ikkunsidrat lockdown li ma jkunx aħrax. L-editur jgħid li m’hemm l-ebda mod ta’ kif wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni ħlief li jgħid li Malta daħlet fit-tielet mewġa tal-pandemija.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ Miriam Pace li bħal ilbieraħ sena ilu nqatlet taħt it-tifrik tad-dar tagħha. Ilbieraħ l-Għaqda Repubblika organizzat attivita’ biex tfakkar il-memorja tagħha.
Rapport tat-Times bid-dettalji tal-ammont rekord ta’ każi ta’ coronavirus ilbieraħ, 336. Il-ġurnal jgħid ukoll li raġel ta’ 41 sena kien fost l-aħħar vittmi tal-Covid 19. The Times tgħid li din hi t-tielet darba f’ġimgħa li nkiser ir-rekord fl-ammont ta’ każi tal-Covid.
Rapport ieħor tat-Times jikkwota lill-membru parlamentari Jason Azzopardi li fil-Parlament ilbieraħ qal li uffiċjal pubbliku għoli kien imġiegħel jirriżenja mill-impjieg tiegħu wara li ġie arrestat fuq allegazzjonijiet foloz ta’ atti kriminali. Dr Azzopardi qal li s-Segretarju permanenti Ewlieni Mario Cutajar għandu jirriżenjafuq dan l-abbuż ta’ poter li seħħ fl-2013.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’rapport li jgħid li l-pandemija u proċeduri li hemm marbutin magħha, fosthom ċertifikati foloz għall-ivvjaġġar, wasslu biex jibdew jinħolqu organizzazzjonijiet kriminali li bdew jinnegozjaw ċertifikati foloz, waqt li oħrajn saħansitra anke offrew dożi ta’ tilqim foloz lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Rapport ieħor tal-Orizzont jgħid li l-Gvern għamel tibdil fl-Att tas-Sigurta’ Soċjali għall-persuni li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 1956 u l-31 ta’ Diċembru 1961 bl-għan li jinqsu l-effetti negattivi tal-pandemija fuq id-dħul ta’ dawn il-persuni matul is-sena 2020 u li jirrifletti l-pensjoni tagħhom.




