
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ numru ta’ residenzi f’Ħ’Attard li żejnu b’elf bużżieqa li damu 10 sigħat biex jintefħu kollha.
Rapport ta’ dan il-ġurnal jgħid li din il-ġimgħa l-Gvern mistenni jibda jillaxka ftit mill-miżuri li ħa minħabba l-Covid 19, iżda jsostni li ministri fi ħdan il-kabinett għadhom mifrudin bejniethom dwar meta u kif għadhom jerġgħu jinfetħu n-negozji.
The Times b’rapport ieħor li jgħid li l-kummissjoni kontra l-korruzzjoni qed teżamina sottomissjonijiet li jsostni li f’Marzu tal-2014 saret laqgħa bejn Michael Farrugia li kien segretarju parlamentari għall-ippjanar u n-negozjant akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’ritratt tat-toroq tal-Floriana bil-ġurnal jgħid li għalhekk ilbieraħ ma setgħux jinżlu fit-toroq biex jiċċelebraw il-festa ta’ Publiju, il-Furjaniżi daħlu fl-ispirtu festiv xorta waħda billi żejnu t-toroq u l-faċċati tad-djar tagħhom fejn spikkaw il-kuluri ħodor u bojod assoċjati mal-lokalita’.
Rapport ta’ dan il-ġurnal jikkwota lill-Prim Ministru Robert Abela li waqt li wera s-sodisfazzjoni tiegħu għall-mod kif il-pajjiż qed jiffaċċja l-coronavirus, wissa li l-pandemija għadha m’għaddietx u għalissa m’hemmx lok li niċċelebraw.
L-Orizzont b’rapport li lbieraħ ma ġie rappurtat ebda ka’ ġdid ta’ covid-19 f’Malta. Rappurtat ukoll li 33 persuna oħra fiequ, biex issa dawk li huma attivi huma 162 persuna.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ għadd ta’ żgħażagħ Olandiżi fuq dgħajsa jifirħu għall-wasla tagħhom f’pajjiżhom wara li minħabba l-coronavirus huma kienu nqabdu f’pajjiż ieħor u ma setgħux jivvjaġġaw bl-ajru, għalhekk ivvjaġġaw bil-baħar biex waslu f’pajjiżhom.
Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-pulizija fuq id-dar li ġġarrfet f’Gwardamangia s-sena l-oħra. Il-ġurnal jgħid ukoll li ma nħatritx inkjesta maġisterjali.
The Malta Independent b’rapport li jirrferi għal ritratt li fl-aħħar ġimgħat ittella’ fuq facebook li wera numru ta’ residenti jinġabru fuq il-bejt tal-ex Paloma Hotel. Il-ġurnal jgħid li l-pulizija sostnew li m’għandhomx dritt legali li jwaqqfuhom.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u bil-ġurnal jikkwota lil Dr Delia jgħid li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jagħti l-isptarijiet lura lill-Maltin u l-Għawdxin. Adrian Delia qal li wara 100 jum ta’ tmexxija ta’ Robert Abela, l-isptarijiet baqgħu għand il-barranin minħabba li qal li Dr Abela, li kien l-avukat tal-ex Prim Ministru joseph Muscat meta ġie iffirmat il-ftehim, ma ikkanċellax dan il-ftehim li sejjaħlu immmorali.
Il-ġurnal ukoll bid-dettalji li wara 50 jum, ma kien reġistrat l-ebda każ pożittiv ta’ Covid-19.



