
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-intermedjajru fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma. Il-ġurnal bid-dettalji tal-kumpilazzjoni li kompliet fil-Qorti lbieraħ li fiha Melvin Theuma qal li l-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kien jgħidlu li l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-qtil kienet titwassal għandu mingħand Keith Schembri u l-ex assistent kummissarju Silvio Valletta. Yorgen Fenech kien jistqarr ma’ Melvin Theuma li jittama li Valletta jżomm il-kariga tiegħu fi ħdan il-korp.
Rapport ieħor tat-Times jikkwota lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jgħid li l-investigazzjoni fuqu u żewġ ministri oħra fuq l-allegat użu skorrett ta’ Facebook hi farsa. L-investigazzjoni bdiet wara li l-Kummissarju tal-Istandards, George Hyzler, qal li potenzjalment qed ikun hemm l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi minn ministri biex jippromwovu l-paġni personali tagħhom ta’ Facebook.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’rapport li l-prim awla tal-Qorti ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, ikkundannat lil Mario Magri jħallas 160,000 ewro lill-ġenituri ta’ żagħżugħ li kien tilef ħajtu b’overdose ta’ droga, wara li l-istess qorti iddikjarat li kien Magri li ipprovdielu l-istess droga.
Il-ġurnal bid-dettalji li lbieraħ telgħu għal 600 l-persuni mfejqa mill-Covid 19 f’Malta.
L-Orizzont b’rapport li jikkwota żewġ lecturers tal-Universita’ ta’ Malta, Dr Simon Mercieca u l-Professur Andrew Azzopardi, jgħidu li s-sentiment kontra l-immigranti qed jikber u urew tħassib li r-razziżmu jista’ jsir istituzzjonalizzat.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt meħud mill-bajja ta’ Marsalforn kif bdiet tiela’ x-xemx ilbieraħ u fih tidher sew il-muntanja Etna fi Sqallija.
Rapport ta’ dan il-ġurnal jikkwota lill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri jgħid li l-aqwa mod kif jistgħu jkunu protetti l-familji hu billi jkunu protetti x-xogħolijiet. Hu kien qed iwieġen għall-kritika li fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ma sarx biżżejjed biex ikunu mwieżna l-familji.
The Malta Independent b’rapport li jikkowta lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli li qalet li Malta tinsab f’diskussjonijiet avvanzati ma’ ħames destinazzjonijiet oħra biex magħhom ukoll ikun hemm it-titjiriet minn u lejn Malta.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-ex Ministru Chris Cardona. Il-ġurnal bid-dettalji tal-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li fiha fil-qorti lbieraħ l-intermedjarju Melvin Theuma xehed li wieħed mit-tliet akkużati mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Alfred Degiorgio, kien irċieva xi flus mingħand Chris Cardona. Sadanittant qal ukoll li Silvio Valletta kien jgħaddi l-informazzjoni lil Yorgen fenech waqt li kien jgħaddi għandu għall-whiskey.
Rapport tan-Nazzjon jikkwota lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid li l-Air Malta hi ħafna għall-qalb l-Oppożizzjoni u qal li hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed timxi b’kawtela kbira f’dak li qed jiġri bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu.



