
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Angelo Gafa’ bil-ġurnal jghħid li fil-konferenza tal-aħbarijiet li ta lbieraħ iggarantixxa mija fil-mija li l-allegazzjonijiet kollha ta’ korruzzjoni se jiġu investigati.
Rapport ieħor tal-Independent jgħid li Konrad Mizzi tkeċċa mill-grupp parlamentari Laburista waqt laqgħa li seħħet ilbieraħ filgħaxija. Il-ġurnal jgħid ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela warrab kull possibbilita’ li tissejjaħ elezzjoni bikrija.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt ta’ Konrad Mizzi bil-ġurnal jgħid li 71 minn 73 delegat Laburista ivvutaw biex Konrad Mizzi jitkeċċa mill-grupp parlamentari. Il-ġurnal jgħid li madankollu l-Prim Ministru Robert Abela ma keċċiex lil Joseph Muscat. In-Nazzjon tgħid li għalhekk il-Partit Nazzjonalista kellu raġun. Ir-rapport isostni wkoll li fil-Parlament Robert Abela kellu laqgħa mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.
MALTATODAY
MALTATODAY ukoll b’ritratt ta’ Konrad Mizzi u bil-ġurnal jgħid li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista neħħa lil Mizzi mill-grupp parlamentari. Il-ġurnal jikkwota lill-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-Gvern qed iwaqqaf l-ogħla standards.
Rapport ieħor tal-Maltatoday jgħid li Maġistrat qed jinvestiga l-allegazzjonijiet li Yorgen Fenech ħallas lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex David Casa ma jmurx tajjeb fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-ġurnal jgħid li l-inkjesta bdiet wara li l-pulizija irreferew l-allegazzjonijiet lill-maġistrat tal-għassa fit-18 ta’ Ġunju li għadda.
Bid-dettalji fil-paġni ta’ ġewwa, Maltatoday tikkwota lill-Enemalta li tiċħad li kienet taf dwar l-involviment ta’ 17 Black fil-wind farms fil-Montenegro.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ Konrad Mizzi bil-ġurnal jgħid li l-Partit Laburista keċċa lil Konrad Mizzi mill-grupp parlamentari. Ir-rapport bid-dettalji li lbieraħ filgħaxija l-grupp parlamentari Laburista ħa din id-deċiżjoni wara li ħarġu l-aħħar żviluppi li Yorgen Fenech għamel il-miljuni minn fethim tal-wind farms fil-Montenegro waqt li Konrad Mizzi kien Ministru tal-Enerġija.
Rapport ieħor tat-Times jgħid li fost l-ewwel deċiżjoniiet tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, l-assisten kummissarju tal-pulizija Alexandra Mamo se tieħu post lil Ian Abdilla bħala l-kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-kummissarju tal-pulizija Angelo Gafa’ li fil-konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ qal li se jinvestiga kull każ ta’ korruzzjoni mija fil-mija. Il-ġurnal jgħid li Angelo Gafa’ ħatar lill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo biex tmexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
L-Orizzont bid-dettalji li Konrad Mizzi tneħħa mill-grupp parlamentari Laburista wara vot mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.




